Kelba taqbad raġel b’€16,000 mhux dikjarati fl-ajruport

Read in English.

Kelba irnexxielha taqbad raġel li daħal f’Malta b’€16,000 fi flus kontanti mhux iddikjarati waqt tfittxijiet ta’ rutina mill-Canine Unit tad-Dwana.

Dan ġie kkonfermat mid-Dipartiment tad-Dwana stess fi stqarrija fejn ġie spjegat li l-każ seħħ ilbieraħ filgħaxija fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Is-sejba saret mill-kelba Sophie.

Il-passiġġier li kien għadu jasal Malta ġie mistoqsi kemm għandu flus fuqu, u hu wieġeb li kellu €10,000. L-uffiċjali ma kienux konvinti mit-tweġibiet tiegħu u għaldaqstant għamlu t-tfittxijiet tagħhom fuqu u fuq ħwejġu fejn sabu li l-ammont li kien qed iġorr kien aktar.

Il-passiġġier qabel li jħalli d-Dwana tikkonfiska l-ammont żejjed ta’ flus kontanti bħala ftehim barra mill-Qorti kif jista’ jsir bil-liġi.

Id-Dwana spjegat li minkejja li sa issa huwa biss is-sitt xahar tas-sena, l-2019 se tkun sena rekord ta’ flus mhux iddikjarati li nqabdu mid-Dwana b’ħidma bejn il-Canine Unit u l-Anti-Money Laundering Team tad-Dipartiment tad-Dwana.