Kelba ssalva lil sidha wara attakk minn ors

Il-kelba Bear irnexxielha ssalva lil sidtha wara li din ġiet attakkatha minn ors waqt li kienet miexja mal-kelba tagħha f’Pennsylvania l-Amerka. Għadu mhux magħruf x’seta’ wassal għal dan l-attakk bl-awtoritajiet qed jippruvaw jidentifikaw liema ors kien.

Melinda spiċċat b’diversi għadam miksur fosthom l-għadma prinċipali li żżomm il-kustilji flimkien, il-pulmun imtaqqab kif ukoll diversi tbenġil madwar ġisimha kollu.

Il-mara tilfet ħafna demm u mhux f’kundizzjoni li titkellem. Hija bdiet tikkomunika mal-familjari tagħha bis-sinjali u b’hekk saru jafu li kienet il-kelba li salvatilha ħajjitha.  S’issa għadu mhux magħruf kif il-kelba rnexxielha tiġġieled lill-ors.

Skont il-veterinarju l-kelba tilfet ħafna demm u kienet qiegħda fuq pilloli qawwijin ħafna kontra l-uġigħ però jidher li issa qed jirnexxiela tirkupra tajjeb ħafna.

L-awtoritajiet qed jinvestigaw il-każ u qalu li qed jippruvaw jidentifikaw lill-ors. Kif jirnexxielhom jagħmlu dan huma se jraqqduh. L-awtoritajiet qalu li fil-viċinanzi kien hemm partijiet mill-iġsma taċ-ċriev li kienu imxerrdin hekk kif għadu kemm spiċċa l-istaġun tal-kaċċa taċ-ċriev.

Il-familja ta’ Melinda ħolqu account fuq is-sit GoFundMe biex jgħinu lil Melinda fil-kura tagħha kif ukoll paġna oħra għall-kelba Bear.