Kelba nstabet qawwija u sħiħa wara li kienet mitlufa għal ħames ġimgħat fil-baħar

Luna, il-kelba maħbuba ta’ sajjied, instabet qawwija u sħiħa wara li waqgħet fl-Oċean Paċifiku ħames ġimgħat qabel. Il-kelba, tar-razza German Shepherd, għandha sena u nofs, u sidha Nick Jowarth lanqas ried jemmen meta ċemplulu  biex jgħarrfuh li kienu sabuha.

Il-kelba ntilfet meta Nick kien qiegħed ma’ sħabu sajjieda jniżżel ix-xbieki għal-lobsters żewġ mili ’il barra mix-xtajta fin-nofsinhar ta’ Los Angeles fl-Istati Uniti. Ir-raġel qal li ħin minnhom il-kelba kienet hemm u meta reġa’ ħares ma rahiex.

“Żgur waqgħet il-baħar,” irrakkonta. “Dak il-ħin bdejna nfittxuha imma peress li kien id-dlam, u l-kelba hija ta’ kulur iswed, ma sibnihiex.”

Meta wasal l-art Nick mar f’bażi navali fil-qrib u qalilhom dwar l-għajbien tal-kelba. Dawn damu jfittxuha imma baqgħu ma sabux ħjiel tagħha. Wara ħames ġimgħat kien hemm wieħed mill-bażi navali u meta kien sejjer lejn il-post ra kelba fit-triq. Ir-raġel issuspetta li kienet il-kelba li kienu qed ifittxu u sejħilha b’isimha. Kienet Luna li mill-ewwel marret ħdejh.

Meta ċemplu lil sidha Nick kien qiegħed jistad ma sħabu u lanqas ried jemmen x’ħin qalulu.

“Kont naf li Luna taf tgħum ħafna,” qal, “u dejjem emmint li seta’ tasal lura fuq l-art. Ikolli ngħix biex għexet kellha tiekol dak kollu li ġie għal ħalqha li sabet fix-xatt.”

Meta eżaminaw lil Luna sabuha tajba f’saħħitha imma kienet ftt magħluba.