Kelb virtwali għal €1,500

Il-kumpanija Ġappuniża Sony nediet verżjoni aġġornata tal-kelb ‘robotiku’ Aibo.
Fit-tnedija li saret f’Las Vegas, intwera li Aibo issa jista’ jagħraf persuni differenti fl-istess familja, isib għadma u jiżfen.
Aido, li l-ewwel verżjoni tiegħu tnediet fl-aħħar tas-snin 90, jiswa madwar €1,500, u għalissa jinsab għall-bejgħ biss fil-Ġappun.
S’issa Sony għadha ma qalitx meta se jkun disponibbli f’pajjiżi oħra. Huwa jifhem l-Ingliż u l-Ġappuniż, iżda aktar lingwi huma ppjanati għall-futur.
Filwaqt li Sony qed tinsisti li l-iskop tal-kelb huwa li jservi ta’ kumpanija, speċjalment għal persuni li jinsabu waħidhom u anzjani, esperti tas-suq mhux jeskludu li eventwalment dan jista’ jsir kompetitur ta’ tagħmir smart ieħor bħal Echo ta’ Amazon u Google Home.
Sony kienet ħarġet diversi mudelli tal-kelb robotiku fil-bidu tas-snin 2000, iżda kienet waqqfet il-produzzjoni fis-sena 2006 hekk kif numru ta’ mudelli li jiswew inqas kienu bdew jieħdu parti kbira mis-suq.
Issa jidher li Sony reġgħet lura bis-saħħa f’dan is-suq, bi pjan li tkompli tipproduċi mudelli aktar avvanzati fis-snin li ġejjin.
Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net Tel. 21493250. Tista' tirċievi l-artiklu b'xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net
L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.