Awdjo: Kelb salvat bis-saħħa ta’ familja fuq dgħajsa

Jack, wieħed mill-klieb residenti fl-Island Sanctuary sab ruħu f’diffikultà wara li ħarab, qabeż madwar żewġ sulari, u spiċċa fuq blata fl-inħawi tal-Ħofriet f’Delimara.

Moira Ghirxi rrakkuntat ma’ Newsbook.com.mt li meta kienet flimkien mal-għarus u l-familja tagħha fuq dgħajsa, rat kelb maqbud fuq il-blat li ma kellu l-ebda aċċess biex jitla’ lura l-art. Hija qalet li minnufih ċemplet lid-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali.

Moira spjegat kif malli wasal Anton Pace, uffiċjal tad-Dipartiment, ħaduh bid-dgħajsa tagħhom fuq il-blat fejn kien hemm Jack, kif ukoll lura l-art in-naħa ta' Xrob l-Għaġin.

Hemmhekk Jack ingħaqad ma' tnejn mis-sidien tiegħu fl-island Sanctuary li waslu fuq il-post b'karozza u li kienu qed josservaw din l-operazzjoni ta' salvataġġ.

Anton Pace rringrazzja lil din il-familja għad-dedikazzjoni tagħha u li mingħajr l-ebda interess għamlet minn kollox biex Jack ġie salvat.

Huwa qal li kieku mhux għall-għajnuna tagħhom, l-operazzjoni ta’ salvataġġ kienet tieħu aktar fit-tul.

Irringrazzja wkoll lill-pubbliku tal-għajnuna fost l-oħrajn permezz tar-rapporti li jagħmlu meta jaraw annimal li jkun jeħtieġ l-assistenza.

Min-naħa tagħha Moira uriet ix-xewqa tagħha li l-pubbliku jitgħallem minn din l-esperjenza u jibda jieħu azzjoni meta jiltaqa' ma' sitwazzjonijiet simili biex dawn il-kreaturi innoċenti jiġu salvati. 

Id-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali jirċievi madwar 20 telefonata kuljum, relatati ma’ każijiet ta’ salvataġġ.