Kelb li jakkumpanja persuna b’diżabilità ma jitħalliex jitla’ fuq karozza tal-linja

Il-Prof. Arnold Cassola, iċ-Chairperson tal-Alternattiva Demokratika u kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fuq Facebook żvela każ fejn kelb imħarreġ biex jgħin u jakkumpanja persuna nieqsa mid-dawl ma tħalliex jitla’ fuq karozza tal-linja.
Cassola qal li persuna b'diżabilità li tgawdi mill-mobilità bl-għajnuna tal-kelb ma tħalliex itella’ l-kelb fuq karozza tal-linja għaliex fi kliem ix-xufier iħammiġlu l-vettura.
Għalhekk din il-persuna tħalliet fuq l-istejġ tistenna karozza tal-linja oħra.
Fuq Facebook, Arnold Cassola qal li s-servizz tat-trasport pubbliku issa huwa f’idejn il-Gvern u għalhekk il-Ministru għat-Trasport għandu jieħu l-passi kollha meħtieġa biex każi bħal dawn ma jsirux iżjed għaliex jiddiskriminaw mal-persuni bi bżonnijiet speċjali.
Fakkar kif dawn il-'guide dogs' jingħataw it-taħriġ meħtieġ u mingħajr l-għajnuna li joffru, persuni bi bżonnijiet speċjali jitilfu l-mobilità kollha.