Kelb isib refuġju fil-Pulizija

Xorti ħażina taf tinbidel għal waħda tajba mil-lejl għal nhar. Il-kelb Chase għadda minn diversi maltempati sakemm iltaqa’ mal-pulizija u nbidlet ħajtu kompletament.
Nhar l-Imnarja l-Pulizija rċeviet telefonata li kien hemm kelb abbandunat fix-Xgħajra. Minkeja t-tfittxijiet tal-Pulizija l-kelb baqa’ ma nstabx. Dan wassal biex WPS 280 għamlet appell fuq Facebook biex min jara l-kelb ikellimha.
L-appel ma waqax fuq widnejn torox hekk kif mara avviċinata u qaltilha li sabet il-kelb u mara oħra offriet li żżomm il-kelb għal tliet xhur sakemm tinstablu dar.
Biss l-istorja tal-kelb kienet għad trid tiżviluppa. Meta ttieħed għand il-vet ħareġ li kellu l-virus parvo li jittieħed. Minħabba f’hekk il-persuna li offriet iżżomm il-kelb ma setgħatx iżżommu minħabba li kellha klieb oħra.
Il-Pulizija ma qatgħux qalbhom u wieħed mill-Pulizija tas-CMRU żamm il-kelb hu sakemm ifieq. B’ħidma kollettiva l-Pulizija tac-CMRU rnexxielhom ilaħħqu mal-impenji ta’ xogħolhom u mal-impenn biex irabbu l-kelb u jiħduh għand il-vet.
Min-naħa tagħhom il-Pulizija ma qagħdux lura milli jħallsulu kemm il-kura medika, kif ukoll ikel u affarijiet biex jilgħab bihom.
Wara dan it-taqlib kollu, Chase sab dar fejn jgħix hekk kif Christa Chilia offriet li trabbi l-kelb flimkien mas-sitt iklieb li għandha d-dar.
Ritratti: CMRU