Kelb isalva tifel nieqes mis-smigħ

Fl-Istati Uniti, kelb tat-tip pit bull ma waqafx jilgħaq wiċċ tfajjel nieqes mis-smigħ, biex jiġbidlu l-attenzjoni li kien hemm nirien fid-dar.
Nick Lamb li għandu 13-il sena qal li meta seħħ l-inċident kien qed jieħu nagħsa u ma kienx liebes l-apparat li jgħinu jisma’.
Il-kelb, li jġib l-isem ta’ Ace, mar fil-kamra ta’ Nick, li dak il-ħin kien waħdu fid-dar.
Membru mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili qal li mhux l-ewwel darba li kellhom każijiet fejn bl-inbieħ il-klieb iqajmu lil xi ħadd waqt inċidenti simili,  iżda f’ċirkostanzi simili qatt ma sema’ b’kelb li jiġi jilgħaqlek wiċċek.
Id-dar ġarrbet ħsarat estensivi. In-nirien bdew mill-garaxx.