“Keith Schembri żgur kellu dħul ieħor” – Busuttil; “Ma stajtx nitkellem qabel” – Schembri

Dalgħodu l-eks-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil u ċ-Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri, xehdu fil-libell miftuħ minn Schembri stess dwar diskors li Busuttil kien għamel quddiem Kastilja waqt protesta organizzata mill-Partit Nazzjonalisa f’Marzu li għadda.
Simon Busuttil qal li Keith Schembri mhux biss instab li għandu kumpanija fil-Panama imma li kien ukoll involut fl-akbar kuntratti li għamel il-Gvern fl-aħħar snin, inkluż dak tal-Electrogas u anke l-ftehim ma’ Vitals Global Healthcare u l-privatizzazzjoni ta’ tliet sptarijiet privati.
Min-naħa tiegħu Keith Schembri qal li ilu sentejn jisma’ biss u “ma kienx f’pożizzjoni li jgħid il-verżjoni tiegħu qabel” kemm minħabba l-kariga tiegħu u anke għal raġunijiet mediċi.
Qal li “jaħlef fuq is-salib” li hu qatt ma rċieva l-ebda tixħim kif allega Simon Busuttil u stiednu biex jakkużah fil-Qorti li hu korrott.
Keith Schembri kompla jgħid li hu qatt ma ltaqa’ mal-persuni li allega Simon Busuttil. Kompla jgħid li kieku ried il-flus, għandu 13-il kumpanija li sejrin tajjeb u ma kellux għalfejn jidħol f’kariga pubblika.
Kompla jgħid li għandu provi ċari li juru li għal kull pagament li għamel lil Adrian Hillman, l-eks-Direttur Maniġerjali tal-Allied Newspapers, huwa rċieva affarijiet lura u li se jkun qed juri dawn id-dokumenti quddiem il-Maġistrat li qed jinvestiga dan il-każ.
Huwa se jkun qed jipprovdi lill-Qorti d-diskors bil-miktub li għamel Simon Busuttil u l-Qorti ordnatlu jimmarka dawk is-siltiet li hu jqishom malafamanti.
Fix-xhieda tiegħu, Simon Busuttil qal li huwa ċar li min għandu paga ta’ €50,000 fis-sena u jintrabat li jiddepożita miljun ewro kull sena f’kumpanija f’ġurisdizzjoni l-iżjed sigrieta, ikollu dħul ieħor minn x’imkien ieħor.
Fakkar li hu talab lill-Kummissarju tal-Pulizija u anke lill-Avukat Ġenerali iżjed minn darba biex jinvestigaw u sal-lum ħadd minnhom ma għamel xejn.
Ikkwota lill-Prim Imħallef meta fil-ftuħ tas-sena forensi tkellem fuq l-importanza li l-Pulizija, l-Avukat Ġenerali u l-Ġudikatura jkunu l-ħarriesa tas-saltna tad-dritt.
“L-uniku raġuni għalfejn qegħdin hawn huwa l-fatt li l-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali ma għamlu xejn,” temm jgħid Busuttil.