Keith Schembri taħt il-lenti tal-gazzetti

Il-faċċati tal-gazzetti tal-lum iduru kollha ma’ dak li qal ilbieraħ il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, li għandu l-provi li ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri, ixxaħħam mill-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza.  Schembri ċaħad dak li qal Busuttil u sostna li se jiftaħ libell.
It-titlu tal-istorja ewlenija tat-Times of Malta jikkwota lil Simon Busuttil jgħid li għandu l-provi li Schembri hu korrott.  Ritratt li jakkumpanja l-artiklu jgħid li Busuttil saħaq li għandu l-provi ta’ dak li ilu jiġu suspettat dwar Keith Schembri.
L-Independent tgħid li fil-konferenza tal-aħbarijiet ilbieraħ filgħaxija, Dr Busuttil talab għall-arrest ta’ Keith Schembri minħabba commissions li rċieva minn Brian Tonna. Artiklu ieħor fil-faċċata ta’ dan il-ġurnal, jitratta l-filmati tas-sigurtà, li minnhom il-Pulizija rriżultalha li sid il-Bank Pilatus deher dieħel Malta jġorr l-istess żewġ bagalji – il-bagalji li dwarhom hemm allegazzjonijiet li fihom inġarru dokumenti biex ineħħu l-provi li l-kumpanija Egrant allegatament hi ta’ Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru.
L-istorja prinċipali tal-Maltatoday tgħid li l-Partit Nazzjonalista akkuża lil Keith Schembri li rċieva commissions mill-passaporti.
Kif mistenni, il-ġurnali bil-Malti, L-Orizzont u In-Nazzjon ħarġu b’titli kunfliġġenti. Filwaqt li L-Orizzont jisħaq li dak li tħabbar ilbieraħ hu kalunja ġdida minn Busuttil, In-Nazzjon isostni li kien hemm korruzzjoni fil-bejgħ tal-passaporti.