Filmat: Keith Schembri lura d-Depot

Sorsi infurmati qalu ma’ Newsbook.com.mt li l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri se jkompli jiġi interrogat dalgħodu bħala parti mill-investigazzjoni li qed issir dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Keith Schembri kien qed jinżamm id-Depot u ngħata l-police bail ilbieraħ filgħaxija. Madanakollu mistenni jasal id-Depot minn ħin għall-ieħor. Intant, Yorgen Fenech, li qed jiġi interrogat dwar l-istess każ, ilbieraħ reġa’ ġie arrestat għar-raba’ darba.

Esperti legali li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qed jesprimu tħassib dwar l-użu estensiv ta’ police bail b’rabta ma’ implikazzjonijiet fuq id-drittijiet tal-persuna.

Ilbieraħ it-Times of Malta rrappurtat li n-negozjant u sid il-kumpanija 17 Black Yorgen Fenech, semma lill-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri bħala l-moħħ wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Dan ifisser illi l-każ iggrava ħafna aktar.

Intant, sorsi qrib l-investigazzjoni qalu ma’ Newsbook.com.mt, li rikording li ssottometta Melvin Theuma, li qed jitqies bħala s-sensar fl-assassinju, juru li Theuma u Fenech għamlu mħatra dwar jekk il-Partit Laburista hux se jirbaħ b’maġġoranza kbira l-elezzjoni tal-2017. Theuma, li hu magħruf li jżomm il-logħob fuq l-idejn, aċċetta din l-imħatra ta’ €50,000, u r-rebħ minnha li kellu jammonta għal €150,000 inżamm mill-istess Theuma u ntefa’ fis-sassla għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia