Keith Schembri mhux sempliċi xhud, targumenta d-difiża ta’ Yorgen Fenech

Miguela Xuereb

Read in English.

L-ispettur Keith Arnaud mhux se jkun hu li jiddeċiedi jekk Yorgen Fenech hux ħati jew le però x-xogħol tiegħu jinvolvi li tinġabar l-evidenza u l-informazzjoni kollha b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, qal l-avukat tal-Istat, Dr Chris Soler hekk kif illum kompla jinstema’ l-każ kostituzzjonali li Fenech fetaħ kontra l-ispettur Arnaud.

Yorgen Fenech li jinsab akkużat b’kompliċità u li ffinanzja l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia qed jikkontesta l-involviment tal-Ispettur Arnaud fl-investigazzjonijiet.

L-Imħallef Lawrence Mintoff qed jippresedi dan il-każ kostituzzjonali li fetaħ Yorgen Fenech.

L-avukati Marion Camilleri, Gianluca Caruana Curran u Charles Mercieca qed jassistu lil Fenech. Illum l-avukat Mercieca informa lill-qorti li l-kollega tiegħu, l-avukat Caruana Curran ma setax ikun preżenti hekk kif qiegħed fi kwarantina.

L-avukat tal-Istat, Dr Soler assigura lill-qorti li l-prosekuzzjoni trid li jkun hemm smigħ xieraq u qal kif wara li ma ntlaqgħetx it-tieni talba ta’ Yorgen Fenech għall-maħfra presidenzjali li ddeċieda li l-Ispettur Arnaud hu inkompetenti, mingħajr integrità u mhux affidabbli.

Dr Soler spjega anke li l-Ispettur, hekk kif isemma l-isem ta’ Keith Schembri fl-investigazzjonijiet, mill-ewwel beda jinvestiga flimkien mat-task force tal-Pulizija.

L-avukati ta’ Fenech jisħqu li Keith Schembri mhux sempliċement xhud f’dan il-każ.

L-avukat Mercieca qal li d-difiża ta’ Fenech tgħid li hu mhux il-moħħ wara l-qtil u li mhux involut imma hemm nies oħra bħal Keith Schembri li għandhom jaffaċċjaw il-ġustizzja. Kompla jgħid li r-relazzjoni ta’ bejn Arnaud u Schembri taghmel lill-ispettur Arnaud inkapaċi li jmexxi l-investigazzjonijiet kontra Yorgen Fenech.

F’Diċembru tas-sena l-oħra, Fenech kien ta x-xiedha tiegħu quddiem l-Imħallef Lawrence Mintoff fejn qal li l-Ispettur Arnaud kien jgħaddi informazzjoni dwar l-investigazzjonijiet lil Keith Schembri.

L-avukat Mercieca kompla jargumenta kif il-mod kif ġie trattat Yorgen Fenech u kif ġie arrestat ma għandu x’jaqsam xejn mal-mod kif il-Pulizija mxiet ma’ Keith Schembri fejn lanqas il-mobile tiegħu ma’ ġie elevat immedjatament bħala parti mill-investigazzjoni u dan wassal biex sa llum il-mobile ta’ Schembri għadu ma nstabx.

Id-difiża semmiet wkoll kif Arnaud hu inkapaci fl-investigazzjonijiet li qed imexxi għaliex lanqas fejn joqoghod Schembri ma  kien jaf. Hawn l-avukat tal-Istat irrimarka kif f’dak li qed jgħid l-avukat Mercieca qed jikkondradixxi lilu nnifsu ghaliex kif jista jkun jsostni li Arnaud kien ħabib intima ta’ Schembri meta lanqas biss kien jaf fejn joqogħod.

L-imħallef Mintoff rrimarka lid-difiża li kieku minflok Arnaud kien hemm Spettur ieħor tal-Pulizija, xorta waħda kienu jissemmew l-istess tip dawk li d-difiza qed tgħid li huma nuqqasijiet u dan minħabba n-natura tax-xogħol u pożizzjoni tal-Ispettur Arnaud.

Il-każ se jkompli jinstema’ fl-14 ta’ Jannar 2021.