“Keith Schembri messu ilu li rriżenja” – Graffitti

Moviment Graffitti sostna li ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, messu ilu li rreżenja.

Dan intqal fi stqarrija propju wara li t-Tnejn li għadda, Keith Schembri rtira l-libell dwar 17 Black wara seduta mqanqla fil-Qorti tal-Maġistrati.

Moviment Graffitti sostna li l-istorja ta’ involvement ta’ Keith Schembri fil-kumpanija 17 Black hija tfakkira li s-sistema politika Maltija qed tegħreq fil-flus “maħmuġin”. Qal li Keith Schembri mhux biss uffiċċjal tal-gvern, iżda punt ewlieni ta’ “sistema diżonesta li nbniet fin fin mill-elit tan-negozjanti għall-benefiċċju tal-elit tan-negozjanti.”

Aqra: 17 Black: Keith Schembri jirtira l-libell

Fl-istqarrija, l-Moviment insista li Keith Schembri messu rreżenja 1,322 jum ilu, meta ħarġet l-aħbar dwar il-kontijiet offshore tiegħu. Qal li mhux sorpriż li n-nuqqas ta’ regolarizzazzjoni ekonomika wasslet għal sitwazzjoni fejn hemm libertinaġġ assolut fl-ippjanar, skjavitù u abbuż tal-ħaddiema f’bosta oqsma speċjalment fil-kostruzzjoni, infurzar ineżistenti fis-servizzi finanzjarji, il-ħasil tal-flus u l-flus maħmuġin li qed jidħlu fl-ekonomija, l-kuntrabandu tal-fjuwil. Qal li dan filwaqt li l-liġijiet qed jinkitbu biss bl-intenzjoni li jipproteġu l-interessi kummerċjali u mhux iċ-ċittadini.

Moviment Graffitti temm jgħid li jemmen li ma hemm l-ebda rieda politika mill-partiti politiċi u mill-organizzazzjonijiet affiljati sabiex tinbidel is-sistema u “jitwaqqaf il-kurrent tossiku ta’ flus maħmuġin li jiffinanzja lill-politiċi.”