Keith Schembri ma jitfaċċax il-Qorti f’każ kontra Busuttil

Iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri naqas milli jidher fil-Qorti dalgħodu f’każ ta’ libell li huwa fetaħ kontra Simon Busuttil dwar allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni.
Il-kawża kienet skedata għal-lum.
Hekk kif bdiet is-seduta, il-Qorti osservat li għal-lum kellu jittella' Keith Schembri, b'sorsi mill-Qorti jikkonfermaw ma' Newsbook.com.mt li Keith Schembri kellu jixhed fil-Qorti llum.
L-avukati ta’ Keith Schembri nfurmaw lill-Qorti li l-klijent tagħhom “ma setax jattendi” għas-seduta.
Il-każ imur lura għall-2016 meta waqt dimostrazzjoni nazzjonali kontra l-korruzzjoni, Simon Busuttil kien semma lil Keith Schembri.
Schembri kien fetaħ il-każ fejn qed jgħid li l-allegazzjonijiet imposti fuqu minn Simon Busuttil jammontaw għal libell fil-konfront tiegħu.
Fi tweets separati kemm Keith Schembri u anki Simon Busuttil tkellmu dwar il-każ. Keith Schembri qal li Simon Busuttil kellu jagħmel talba uffiċjali fil-Qorti. Schembri qal li ħerqan li se jaffaċċja lil Busuttil fil-Qorti fit-3 ta’ Mejju li ġej.

https://platform.twitter.com/widgets.js

Min-naħa tiegħu, Simon Busuttil qal li ċ-Chief of Staff Keith Schembri ma telax jixhed u għalhekk staqsa minn xhiex qed jibża’.