Keith Schembri lura Malta wara jumejn Tuneż

Miguela Xuereb

Read in English.

L-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri jinsab lura Malta wara jumejn it-Tuneżija. Dan skont rapporti fil-midja li ġew ikkonfermati indipendentament minn Newsbook.com.mt. Din il-kamra tal-aħbarijiet ippruvat tagħmel kuntatt ma’ Schembri nnifsu, imma ma weġibx.

Schembri reħielha lejn it-Tuneżija fl-20 ta’ Jannar filgħodu, jum biss wara li l-ħabib tiegħu u l-eks impjegat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru Neville Gafà qabad titjira simili lejn l-istess belt. Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li Gafà siefer jum qabel Schembri. Ir-rapporti qalu li siefer lejn Tuneż ukoll eks ħaddiem fl-OPM.

Għadu mhuwiex ċar għaliex Schembri vvjaġġa lejn l-Afrika. Ftit tal-ġimgħat qabel, Schembri siefer lejn l-Italja ma’ familtu. Bosta wrew tħassib dwar dan peress li Schembri peress li hu qed jiġi investigat.

Skont il-Pulizija, Schembri huwa suġġett ta’ investigazzjoni dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Hu qed jiġi investigat b’relazzjoni ma’ xogħol fantażma li ta lis-sensar tal-assassinju Melvin Theuma u dwar tbagħbis mal-evidenza.

Ix-xahar li għadda Schembri ġie arrestat u interrogat, iżda hu nħeles madwar 48 siegħa wara mingħajr ma tressaq il-Qorti.