Keith Schembri jitħalla jsiefer mal-familja

Miguela Xuereb

Read in English.

L-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri deher fil-VIP lounge tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta mal-familja tiegħu llum waranofsinhar.

Sorsi qalu lil Newsbook.com.mt li Schembri, flimkien ma’ familtu, telgħu fuq titjira (FR3401) lejn Bologna fis-6.15pm.

Skont il-Pulizija, Schembri huwa suġġett ta’ investigazzjoni dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Hu qed jiġi investigat b’relazzjoni ma’ xogħol fantażma li ta lis-sensar tal-assassinju Melvin Theuma u dwar tbagħbis mal-evidenza.

Ix-xahar li għadda Schembri ġie arrestat u interrogat, iżda hu nħeles madwar 48 siegħa wara mingħajr ma tressaq il-Qorti.

Intant, il-Qorti ħarġet mandat ta’ arrest fil-konfront ta’ Schembri fis-17 ta’ Diċembru meta hu falla milli jitla’ l-Qorti biex jixhed fil-każ kostituzzjonali ta’ Yorgen Fenech. Aktar tard hu qal li ma kienx ġie mgħarraf li kellu jitla’ jixhed u mar il-Qorti permezz tal-karozza tal-uffiċċjal tal-Qorti.

Waqt il-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-konfront ta’ Fenech, li qed jiġi akkużat bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, l-Investigaturi Keith Arnaud qal li Schembri ma għaddiex il-mobile tiegħu lill-Pulizija għax kien tilfu. Schembri rrifjuta li jagħti l-passwords lill-pulizija hekk kif l-emails u l-cloud kellhom fihom informazzjoni sensittiva b’rabta max-xogħol.

It-Times of Malta rrapportat li t-tim legali ta’ Schembri talab permess lill-Pulizija sabiex Schembri jkun jista’ jsiefer fl-Italja ma’ familtu.