​Aġġornata (2): Keith Schembri jirbaħ libell kontra l-gazzetta tal-PN

Iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri rebaħ libell kontra l-ġurnal in-Nazzjon, li rrappurtat li hemm rabtiet bejnu u Ryan Schembri, ir-raġel li ħarab minn Malta minħabba d-dejn f'Settembru 2014.
Il-gazzetta kienet allegat li meta kien imsiefer, Ryan Schembri għamel kuntatt ma’ diversi persuni f’Malta u li Keith Schembri kien konxju dwar dak li kien għaddej. Il-gazzetta ġiet ordnata tħallas €5,000 lil Keith Schembri.
Fi stqarrija,  l-Uffiċċju tal-Prim Ministru qal li s-sentenza tal-Qorti turi li l-intenzjoni tal-mezzi tal-Partit Nazzjonalista mhix il-ġurnaliżmu, iżda “l-għan li ssir ħsara lill-Gvern tal-ġurnata.”
Ikkwota lill-Maġistrat jgħid li ma jemminx il-verżjoni tal-mezzi tax-xandir tal-Oppożizzjoni, minħabba li l-artiklu kollu baqa’ jagħmel “insinwazzjonijiet fil-konfront ta’ Keith Schembri. “
Min-naħa tiegħu, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri qal li hu sodisfatt li bil-mod bdiet toħroġ il-verità fuq il-gideb li sar fuqu.
Reazzjoni PN
Il-Partit Nazzjonalista, fi stqarrija qal li fl-ebda pajjiż fid-dinja ma jkollok Chief of Staff tal-Prim Ministru li jitħalla f'postu minkejja li nqabad b'kumpanija sigrieta fil-Panama, li fiha jrid ipoġġi s-senseriji. 
Żied jgħid li wisq anqas, fl-ebda pajjiż ma jkollok Chief of Staff li wara dan kollu, joħroġ stqarrija jgħajjar lill-Oppożizzjoni kif għamel illum Keith Schembri.
Il-PN sostna li kieku Schembri kellu ftit diċenza, ilu li telaq.
Reazzjoni PL
Il-Partit Laburista qal li minkejja li fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti kkundannat il-politika ta' gideb tal-Kap tal-Oppożizzjoni, l-istess Simon Busuttil ma wera assolutament l-ebda tip ta' diċenza. Żied jgħid li mhux biss ma rrispettax id-deċiżjoni tal-Qorti, iżda lanqas talab apoloġija tal-gideb li xerred hu u l-midja tiegħu. 
Il-PL sostna li filwaqt li jagħmel hekk, Busuttil qed jibqa' jiddefendi nies bħal Toni Bezzina li l-Qorti ma emmnitx il-verżjoni li ta, u lil Chris Said li wkoll ma kienx emmnut mill-Awditur Ġenerali.