Keith Schembri jiftaħ libell kontra Daphne Caruana Galizia

Iċ-Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri fetaħ libell kontra l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Fi stqarrija, intqal li l-libell infetaħ minħabba allegazzjonijiet malafamanti fi blogg fejn il-ġurnalista qalet li permezz ta’ kumpanija ta’ Keith Schembri, hu rċieva ammonti kbar ta’ flus minn kont bankarju ta’ kumpanija fl-Ażerbajġan ta’ persuni konnessi mal-politika.
Inqtal ukoll li dawn l-allegazzjonijiet huma għalkollox giddieba u bla bażi u għaldaqstant tressaq ukoll rikors biex il-kawża tinstema’ b’urġenza.
Keith Schembri saħaq li Daphne Caruana Galizia għandha taċċetta li l-każ jinstema’ b’urġenza jekk verament temmen li l-poplu Malti għandu jkun jaf il-verità.
F’artiklu li tellgħet is-Sibt li għadda, il-ġurnalista qalet li dil-ġimgħa se tiżvela ta' min hi Egrant Inc, it-tielet kumpanija fil-Panama, minbarra dik tal-Ministru bla Portafoll Konrad Mizzi u l-oħra ta’ Keith Schembri. Mal-artiklu, Caruana Galizia tellgħet ritratt li juri lil mart il-Prim Ministru, Michelle Muscat.