Keith Schembri jiċħad li kien involut fl-MOU tal-Vitals

Miguela Xuereb

Read in English.

L-eks Chief of Staff tal-PM Joseph Muscat Keith Schembri ċaħad li kien involut fit-tħejjija u fl-eżekuzzjoni tal-memorandum ta’ ftehim (MOU) b’rabta mal-bejgħ tal-isptarijiet lill-Vitals Global Healthcare.

F’affidavit, stqarrija ġuramentata, Schembri poġġa r-responsabbilità kollha fuq l-eks Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Mario Galea. Ċanfar ukoll l-NAO talli tatu talba bil-miktub għall-kummenti tlett ijiem wara d-data tal-għeluq li stipula l-istess uffiċċju.

“Niddikjara illi dan l-MOU ma nnegozjajtux jien, ma ktibtux jien, ma ffirmajtux jien u ma kelli l-ebda involviment fih,” iddikjara Schembri.

Schembri qal li għal xi wħud sar komdu li jispiċċa fil-mira ta’ dak kollu li qed jiġi attribwit lill-Gvern li kien imexxi Joseph Muscat.

Schembri qal li “jiċħad b’mod assolut” li serva bħala xi tip ta’ “id moħbija” fil-ftehim. Qal li lanqas jaf x’kompla jiġri dwar is-suġġett għajr dak li kien jisma’ waqt id-diskussjonijiet fuq il-kwistjoni tal-Vitals fil-laqgħat tal-Kabinett.

Schembri kkonferma li kien l-eks Ministru Chris Cardona li kien il-firmatarju tal-Gvern. Però, qal li Cardona ma kienx involut fin-negozjati ta’ qabel l-iffirmar.

Tista’ taqra l-affidavit minn hawn: