Read in English.
Iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri reġa’ ma weġibx għall-mistoqsijiet din id-darba mibgħuta minn Newsbook.com.mt dwar il-kumpanija 17 Black. Newsbook.com.mt staqsa lil Keith Schembri dwar ix-xhieda tiegħu li suppost qed jagħti f’inkjesti maġisterjali dwar il-kumpanija 17 Black
Schembri qal li waqqa’ l-libell kontra l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil kontra qalbu għaliex ma riedx jixhed fil-Qorti. Dan minkejja talbiet mill-Maġistrat biex iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-avukati ta’ Busuttil.
AQRA: 17 Black: Keith Schembri jirtira l-libell
Meta mistoqsi dwar dan in-nuqqas taċ-Chief of Staff tiegħu, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li Schembri qed iwieġeb għall-mistoqsijiet fl-inkjesta maġisterjali.
Filmat: Mhux se nkeċċi lil Schembri – Muscat
Newsbook.com.mt talab lil Keith Schembri biex jagħti rendikont tad-dati li fihom ta xhieda fil-magħluq, ma’ liema Maġistrat ħalla x-xhieda tiegħu u biex jispeċifika f’liema Inkjesta intalab jagħti x-xhieda tiegħu.
Ħamest ijiem wara Newsbook.com.mt baqa’ bla tweġiba minn wieħed mill-ogħla uffiċjali pubbliċi. Il-mistoqsijiet intbagħtu wkoll lill-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern Matthew Carbone.
X’inkjesti għaddejjin dwar 17 Black?
F’Lulju 2017, il-Maġistrat Ian Farrugia kien qal li hemm bażi soda biżżejjed biex tinfetaħ inkjesta dwar allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus fil-konfront ta’ Schembri u Mizzi wara l-iskandlu tal-Panama Papers.
F’Novembru tas-sena l-oħra, il-Ministru Owen Bonnici kkonferma fil-Parlament li għaddejja inkjesta maġisterjali dwar 17 Black. Huwa qal wara dak li ġie rrappurtat fil-mezzi tax-xandir, għamel kuntatt mal-Avukat Ġenerali fejn ikkonferma li nfetħet inkjesta maġisterjali.
AQRA: 17 Black: kobba mħabbla u inkjesta li qed jistenna l-PM
X’inhi 17 Black?
Fl-2018, il-ġurnal Times of Malta żvela li l-kumpanija 17 Black f’Dubaj hija ta’ Yorgen Fenech, li huwa d-Direttur tal-Power Station tal-Electrogas f’Malta. Fenech huwa wkoll il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Tumas Group.
Aqra: The Daphne Project: “€1.3m f’17 Black – klijent prospettiv ta’ Mizzi u Schembri”; jiċħdu
It-Times of Malta f’ħidma konġunta mal-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters, kisbet din l-informazzjoni minn imejl li identifikat lil 17 Black bħala wieħed mis-sorsi ta’ qligħ għall-kumpaniji sigrieti fil-Panama Hearnville u Tillgate, li kienu tal-Ministru Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri rispettivament.