Keith Schembri jerġa’ ma jikkonfermax

Iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, għadu ma kkonfermax jekk hux se jixhed quddiem l-Ewroparlamentari li minn għada se jkunu f’Malta biex jinvestigaw il-ħarsien tal-liġi u anke allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus, wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Waqt żjara ta’ jumejn, il-Kumitat tal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni (LIBE) u l-Kumitat li qed jinvestiga l-Panama Papers (PANA) se jkunu qed jitkellmu ma’ politiċi, ġurnalisti u entitajiet li jistgħu jitfgħu dawl fuq l-investigazzjonijiet li qed isiru dwar Malta.
Fost dawn, se jixhed il-Prim Ministru Joseph Muscat li se jidher quddiem il-kumitati nhar il-Ġimgħa bejn l-10:00 u l-11:00am.
Sa issa għadhom ma kkonfermawx biss Keith Schembri, il-Prim Imħallef Silvio Camilleri u Nexia BT, li fetħet il-kumpaniji sigrieti fil-Panama.
Fi Frar li għadda, Keith Schembri kien naqas milli jersaq quddiem il-Kumitat PANA, li ġie Malta apposta biex jinvestiga l-iskandlu tal-Panama u s-sistema tat-taxxa f’Malta.
Dak iż-żmien, il-Prim Ministru Joseph Muscat kien qal li meta l-politiċi jissejħu minn kumitat biex jagħtu l-verżjoni tagħhom, għandhom jersqu quddiem il-kumitat.
Fil-Panama Papers, Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi kienu ssemmew bħala żewġ persuni esposti politikament li fetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama.
Dan apparti allegazzjonijiet oħra li l-istess Schembri għandu kumpaniji fil-British Virgin Islands
Fi stqarrija, il-kelliem tal-Partit tal-Ħodor u membru tal-Kumitat PANA, Sven Giegold wera s-sodisfazzjon tiegħu li l-Prim Ministru aċċetta l-istedina u qal li se tkun interresanti li l-MPEs se jiltaqgħu wkoll mal-uffiċjali tal-Bank Pilatus.
Minkejja dan, wera d-dispjaċir tiegħu li la Schembri u lanqas Nexia BT ma kkonfermaw li se jattendu.
Fil-15 ta’ Novembru, il-Parlament Ewropew għadda b’maġġoranza kbira mozzjoni bi kritika ħarxa kontra l-Gvern tal-Prim Ministru Joseph Muscat.
Ir-riżoluzzjoni kienet titlob lill-Kummissjoni Ewropea biex “tibda djalogu mal-Gvern Malti dwar il-funzjonament tal-istat tad-dritt f’Malta”. Il-Kummissjoni ntalbet ukoll tivverifika jekk Malta hux konformi mar-regoli kontra l-ħasil tal-flus u dawk dwar il-banek u qajmet ukoll dubji dwar il-programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment.