Jirriżenja Keith Schembri

Read in English.

Stennija mill-midja, anke internazzjonali, għal wasla ta’ Keith Schembri fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija. Dan wara li l-Prim Ministru dalgħodu ħabbar ir-riżenja tiegħu.

LIVE mill-Kwartieri tal-Pulizijahttps://newsbook.com.mt/keith-schembri-interrogat-mill-pulizija/

Posted by Newsbook.com.mt on Tuesday, November 26, 2019

Jirriżenja Keith Schembri

Keith Schembri rriżenja mill-kariga ta’ Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Dan ħabbru dalgħodu l-Prim Ministru Joseph Muscat f’kumment lill-ġurnalisti, mingħajr ma ħareġ sejħa għall-midja u li għaliha Newsbook.com.mt ma kienx imsejjaħ. Dr Muscat qal li aċċetta d-deċiżjoni ta’ Schembri u rringrazzjah tal-ħidma tiegħu. Iċ-Chief of Staff il-ġdid se jkun Mark Farrugia.

Dr Muscat tkellem dwar il-laqgħa tal-Grupp Parlamentari li saret ilbieraħ fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Kastilja. Qal li waqt il-laqgħa, il-Grupp Parlamentari tkellem fl-apert. Semma wkoll li hu talab għal vot sigriet ta’ fiduċja, li rriżulta f’approvazzjoni għat-tmexxija tiegħu.

Il-Prim Ministru qal li l-pajjiż għandu bżonn stabbiltà, u li hu se jkompli jieħu deċiżjonijiet fis-sigħat u fil-jiem li ġejjin. Dr Muscat stqarr li ladarba l-investigazzjoni tkun konkluż, hu se jagħti d-dettalji tad-deċiżjonijiet li ħa personalment.

Għall-mistoqsijiet tal-midja, Muscat qal li hu jieħu r-responsabbiltà talli żamm lil Keith Schembri bħala Chief of Staff. Mistoqsi jekk jikkunsidrax li jirriżenja hu stess, Muscat qal li r-rwol tiegħu hu li jassigura li l-pajjiż ikun stabbli. Żied jgħid li ripetutament hu qal li ma jikkunsidrax iservi aktar minn żewġ leġiżlaturi bħala Prim Ministru.

“Definittivament nirriżenja jekk ikun hemm xi tip ta’ assoċjazzjoni bejni u bejn l-assassinju”, stqarr Muscat.

Keith jissemma minn Yorgen Fenech

Intant, il-Pulizija mistennija tinterroga lil Keith Schembri. Hu mifhum li dan wara li Yorgen Fenech, sid il-kumpanija 17 Black semma ismu waqt l-interrogazzjoni.

Qed jiġi rrappurtat li l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru ssemma f’rikordings li saru bejn Yorgen Fenech u Melvin Theuma, li qed jitqies bħala s-sensar fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Aktar dettalji dalwaqt.