Keith Schembri interrogat mill-Pulizija

Keith Schembri Economic Crimes interrogation

Read in English.

Keith Schembri llum ġie interrogat mill-Pulizija.

Sorsi kkonfermaw ma’ Newsbook.com.mt li ċ-Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat illum ġie interrogat mill-Pulizija tat-Taqsima tar-Reati Finanzjarji fl-uffiċċji tagħha fil-Ħamrun.

L-interrogazzjoni damet minn 12pm sas-5.45pm.

F’Novembru

Schembri ġie interrogat fil-11 ta’ Novembru mill-istess taqsima tal-Pulizija. Huwa ddaħħal għall-interrogazzjoni f’Novembru jum wara li l-eks Ministru Konrad Mizzi beda jiġi interrogat.

Skont sorsi, ir-raġuni għaliex Schembri kien ġie interrogat f’Novembru kienet tinvolvi jew tixħim jew ħasil ta’ flus.

F’Settembru

Schembri jinsab bil-police bail wara li kien ġie arrestat fil-21 ta’ Settembru, flimkien ma’ Karl Cini, Brian Tonna u Manuel Castagna minn Nexia BT. Huma kienu ġew arrestati b’rabta mal-inkjesta maġisterjali li twettqet dwar allegat tixħim mill-bejgħ tal-passaporti.

Sena ilu

Bħal dan iż-żmien sena ilu, Keith Schembri kien irriżenja mill-pożizzjoni tiegħu bħala Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat wara li Yorgen Fenech semmieh b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Yorgen Fenech jinsab akkużat b’kompliċità fl-assassinju. Huwa negozjant u kien Direttur tat-Tumas Group. Apparti dan, kien ħabib kbir ta’ Keith Schembri. Meta ġie arrestat f’Novembru tal-2019, Fenech semma lil Schembri mal-Pulizija.

Schembri jiċħad li kellu involviment fl-assassinju, għalkemm ismu kemm-il darba jissemma fil-proċessi tal-Qorti fuq il-każ.

Huwa kien ġie interrogat f’Diċembru tas-sena l-oħra fuq il-każ, meta tħabbar ukoll li kien qed jiġi investigat b’rabta ma’ qtil.

L-aħbar li Schembri investigat b’rabta mal-qtil
Keith Schembri qed jiġi investigat dwar qtil
Dwar ix-xhieda tiegħu fil-kumpilazzjoni kontra Yorgen Fenech f’Ġunju li għadda
X’ammetta u x’ċaħad Keith Schembri

Aktar dettalji malli jaslulna.