Keith Schembri interrogat mill-ġdid

L-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri ssejjaħ il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija biex jiġi interrogat. Sorsi infurmati kkonfermaw dan ma’ Newsbook.com.mt.

Skont siti tal-aħbarijiet Schembri ssejjaħ b’rabta mal-investigazzjoni fl-impjieg finta ta’ Melvin Theuma, is-sensar fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Il-ġimgħa l-oħra Keith Schembri rreżenja mill-kariga tiegħu wara li Yorgen Fenech implikah b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Din il-ġimgħa, il-Partit Nazzjonalista saħaq li l-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru għandu jiġi investigat minnufih. Żied jgħid li l-Prim Ministru Joseph Muscat għandu jitlaq immedjatament biex il-ġustizzja verament issir.