“Il-pajjiż għandu dritt ikun jaf x’qed jiġri” – Repubblika

Miguela Xuereb

Repubblika insistiet li l-pajjiż għandu dritt ikun jaf x’qed jiġri fil-każ ta’ Keith Schembri.

Billi l-Pulizija ma tat l-ebda aġġornament b’rabta ma’ dan il-każ wara li Schembri nħeles bil-police bail wara jum arrestat nhar it-Tlieta li għadda, Repubblika qalet li temmen li l-Pulizija u l-awtoritajiet kompetenti għandhom id-dmir jinfurmaw lill-pubbliku dwar dak li qed jiġri fl-istħarriġ ta’ reati li allegatament hu involut fihom Schembri.

Filwaqt li tapprezza l-kumplessità tal-investigazzjoni u l-ħtieġa li xi affarijiet jinżammu kunfidenzjali, l-NGO fakkret li l-fatti dwar l-allegati reati ilhom magħrufin mill-2017, li Schembri mhuwiex persuna kwalunkwe, u li d-dewmien qajjem is-suspett li Schembri u oħrajn kellhom ċans jaħbu dak li riedu jaħbu.

Apparti hekk, l-NGO qalet li kif ħareġ mill-inkjesta pubblika fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, il-Pulizija u l-awtoritajiet għamlu sentejn ma jridux jinvestigaw u jaġixxu fuq l-allegati reati li wettaq Schembri, iċ-Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

Għaldaqstant, Repubblika insistiet li l-awtoritajiet jagħtu aġġornament tal-iżviluppi fil-każ, billi jgħidu:

  • Min hu arrestat
  • Min inħeles bl-avviż tal-Pulizija
  • X’inhuma r-reati mistħarrġa.

Staqsew ukoll fuq Brian Tonna u Karl Cini, jekk dawn għadhomx qed jinżammu mill-Pulizija.