Keith Schembri għandu jiġi investigat minnufih – PN

Keith Schembri, Chief of Staff in the office of Malta's Prime Minister Joseph Muscat, waits for official talks between Muscat and his Macedonian counterpart Zoran Zaev to begin at the Auberge de Castille in Valletta, Malta, May 29, 2018. Picture taken May 29, 2018. REUTERS/Darrin Zammit Lupi

Il-Partit Nazzjonalista qed jisħaq li l-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru għandu jiġi investigat minnufih. Żied jgħid li l-Prim Ministru Joseph Muscat għandu jitlaq immedjatament biex il-ġustizzja verament issir.

Fi stqarrija, il-PN qal li dak li ġie żvelat fil-midja llum huwa ta’ tħassib kbir u flimkien ma’ ritratti li ġew ippubblikati fil-jiem li għaddew juru l-qrubija li hemm bejn il-middleman fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u Keith Schembri.

“Il-middleman, li Joseph Muscat iddeċieda waħdu li jagħtih il-maħfra, għamel allegazzjonijiet serjissimi fil-konfront ta’ Keith Schembri, u qed jgħid li Schembri flimkien ma’ sid 17 Black kienu l-moħħ wara l-assassinju ta’ Caruana Galizia. Saħqu li għaldaqstant Keith Schembri għandu jiġi investigat minnufih”, iżżid tgħid l-istqarrija.

Il-PN stqarr li mhux l-ewwel darba li saru allegazzjonijiet ta’ din ix-xorta li jassoċċjaw lil Keith Schembri ma’ dan l-assassinju. Semma kif is-sid ta’ 17 Black ukoll qal li l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru huwa involut. Insista li din hija sitwazzjoni fejn Joseph Muscat huwa ostaġġ tal-kriminalità u allura l-pożizzjoni tiegħu mhix tenibbli u għandu jitlaq immedjatament. Saħaq li Joseph Muscat ma kellu qatt jinvolvi ruħu f’investigazzjoni dwar nies li hu għamel snin jipproteġi, lil għandu jieqaf jipproteġi lil Keith Schembri u għandu jħalli li l-ġustizzja ssir mingħajr l-ebda forma ta’ ndħil jew xkiel.

Saħaq li l-pożizzjoni ta’ Joseph Muscat mhix tenibbli aktar u kull ġurnata li qed tgħaddi bih Prim Ministru, qed issir ħsara rreparabbli lil pajjiżna, ittemm tgħid l-istqarrija.