Schembri b’rikors biex jiġu rilaxxati flus għall-paga tal-impjegati

Miguela Xuereb

Read in English.

Keith Schembri ressaq rikors quddiem il-Qorti sabiex din tawtorizza r-rilaxx ta’ xi flus biex jitħallsu l-impjegati tal-kumpaniji tiegħu.

Dan wara li, nhar it-Tnejn li għadda, ġew iffriżati l-assi ta’ Schembri u ta’ Brian Tonna u Karl Cini minn Nexia BT b’rabta mal-inkjesta li saret dwar Schembri u Tonna u l-involviment tagħhom f’tixħim ta’ bejgħ ta’ passaporti Maltin. It-Tlieta, imbagħad, Schembri, iċ-Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, qatta’ ġurnata d-Depot tal-Pulizija sakemm inħeles bil-police bail. Dakinhar ġew friżati aktar assi tiegħu, inkluż il-kumpaniji tiegħu li jħaddmu għadd kbir ta’ impjegati.

Il-kumpaniji inkwistjoni huma Kasco Limited, Kasco Recycling Limited, Its Good Limited, Kasco Engineering Limited, Berner Malta Limited u Kasco Holdings Limited.

Ġie spjegat li dawn il-kumpaniji bejniethom għandhom madwar 100 impjegat fuq bażi full-time, u li dan l-iffriżar tal-assi se jaffettwa lil dawn in-nies, il-familji tagħhom u l-għajxien tagħhom. Dawn kellha tingħatalhom il-paga lbieraħ u wħud minnhom nhar it-Tlieta li ġej.

Ir-rikors jgħid li l-effetti ta’ dan is-sekwestru huma “katastrofiċi” u li din hi “inġustizzja” u “miżura esaġerata” kontra Keith Schembri u nies li ma kellhomx x’jaqsmu mal-każ, inkluż persuni ta’ età tenera u minuri li ma kellhom l-ebda assi. L-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija huma akkużati li ħadu dawn il-passi hekk imsejħa estremi fil-konfront ta’ Schembri, u r-rikors iqajjem dubju jekk dawn il-passi kinux ġustifikati meta wieħed iqis il-konklużjonijiet tal-inkjesta.

Ir-rikors, iffirmat mill-avukati ta’ Schembri Dr Mark Vassallo u Dr Edward Gatt, jitlob ukoll li l-Qorti tappunta dan ir-rikors għal smigħ b’urġenza biex jiġu esebiti, fost l-oħrajn, dokumenti li Schembri jrid li jkunu esebiti fil-qorti, uħud ta’ natura sensittiva, biex dawn imbagħad jiġu ssiġillati. Ġie spjegat li dawn id-dokumenti għandhom x’jaqsmu mal-pagi tal-esponenti.

Meta ġie arrestat nhar it-Tlieta li għadda, Schembri ma bediex jikkopera mal-Pulizija sakemm dawn tawh aċċess għall-konklużjonijiet tal-inkjesta.