Filmat: Keith Schembri jinħeles bil-bail

Aġġornat 07:55 AM

L-avukati ta' Schembri jitolbu aċċess għall-materjal tal-każ

Read in English.

Iċ-Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat Keith Schembri għamel ġurnata arrestat b’rabta mal-inkjesta maġisterjali li twettqet dwar allegat tixħim mill-bejgħ tal-passaporti, iżda llejla nħeles bil-police bail.

Brian Tonna u Karl Cini min-Nexia BT ukoll kienu qegħdin jiġu interrogati mill-Pulizija. Skont l-avukati ta’ Schembri, huwa ġie arrestat għall-ħabta tan-12am, wara li lbieraħ, l-Imħallef Edwina Grima ordnat l-iffriżar tal-assi tagħhom, kif ukoll ta’ nies u kumpaniji oħra affiljati ma’ Nexia BT u mal-kumpanija ta’ Schembri, Kasco. Inħeles bil-bail għall-ħabta tad-9.30pm.

Fuq rikjesta tal-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg, l-Imħallef Grima ikkonkludiet li hemm biżżejjed raġuni biex tissuspetta li huma ħatja ta’ reat ta’ ħasil ta’ flus.

Aktar kmieni quddiem id-Depot…

Il-ġurnalisti għamlu sigħat quddiem id-Depot jistennew xi żviluppi b’rabta mal-każ. Għall-ħabta tat-3.30pm, l-avukati ta’ Keith Schembri dehru ħerġin mid-Depot.

L-avukati ta’ Schembri qalu lill-ġurnalisti li qegħdin jinsistu li l-pulizija jgħidulhom x’kienu l-konklużjonijiet tal-inkjesta maġisterjali mwettqa mill-Maġistrat Aaron Bugeja. Żiedu jgħidu li huma, u l-klijent tagħhom Keith Schembri, mhux se jkellmu lill-pulizija sakemm isiru jafu x’ħareġ mill-inkjesta.

Filgħaxija l-avukati ta’ Schembri talbu li l-qorti tiftaħ b’urġenza biex il-Qorti Kostituzzjonali tagħti interim relief lil Schembri biex isir jaf il-konklużjonijiet tal-inkjesta.

Interim relief huwa meta l-Qorti tagħti xi għajnuna sakemm tittieħed deċiżjoni. Din l-għajnuna tingħata minħabba li jista’ jgħaddi xi żmien sa meta l-każ jibda jinstema’.

Aktar tard, ma’ Newsbook.com.mt, l-avukati ta’ Schembri qalu li l-Qorti rrakkomandat lill-Pulizija biex timxi skont il-provedimenti tal-liġi. Għaldaqstant, bagħtet għall-avukati biex tagħtihom aċċess għall-konklużjonijiet tal-inkjesta.

Għall-ħabta tad-9pm imbagħad, Schembri nħeles bil-police bail.

Spjegazzjoni mill-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija

LIVE minn quddiem id-Depot: https://bit.ly/3cmf2Lf

Posted by Newsbook.com.mt on Tuesday, September 22, 2020

Ir-rikjesta ta’ Buttigieg saret wara li ġiet konkluża inkjesta maġisterjali fuq allegazzjonijiet li Schembri xxaħħam minn fuq il-bejgħ tal-passaporti bl-għajnuna ta’ Tonna.

Buttigieg irrifjutat li tippubblika l-inkjesta, deċiżjoni li wasslet għal kritika minn Pieter Omtzigt, ir-rapporteur tal-Kunsill tal-Ewropa fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u fuq is-saltna tad-dritt f’Malta.

Schembri jitlob aċċess għall-materjal tal-każ

Schembri ġie arrestat mill-pulizija fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu, għall-ħabta tan-12am.

F’rikors urġenti ffirmat mill-avukati Edward Gatt u Mark Vassallo, talab li hu u l-avukati tiegħu jingħataw aċċess immedjat għall-materjal tal-każ skont artiklu 534AF tal-Kodiċi Kriminali. Talab ukoll li jingħata dritt li jikkonsulta mal-avukati tiegħu wara li jingħata l-aċċess.

L-artiklu 534AF jgħid li “meta persuna waqt kull stadju ta’ proċeduri kriminali tiġi arrestata jew detenuta, kull dokument li jinsab fil-pussess tal- Pulizija, li hu relatat mal-każ speċifiku u li hu essenzjali sabiex issir rikuża effettiva tal-legalità tal-arrest jew tad-detenzjoni, għandu jkun disponibbli lill-persuna arrestata jew lill avukat tagħha.”

Fir-rikors, Schembri spjega li ġie mgħarraf li l-arrest tiegħu kien relatat mal-konklużjoni tal-inkjesta maġisterjali, u li kien talab lill-Avukat Ġenerali biex jgħarrfu bil-konklużjonijiet li ntlaħqu. Żied li l-ewwel talba tiegħu ġiet miċħuda, u li talba oħra ma kienx hemm risposta għaliha.

Fakkar ukoll li l-arrest tiegħu hu soġġett għal kawtela ta’ Maġistrat u li la kien ilu numru ta’ sigħat taħt arrest, kien hemm l-obbligu li jiġi assigurat li d-drittijiet tiegħu ikunu qed jiġu mħarsa.

Xi drittijiet għandu l-interrogat?

Espert legali li kellimna qalilna li persuna li tkun arrestata għandha dritt li tiltaqa’ mal-avukat tagħha siegħa qabel tibda l-interrogazzjoni u mhux malli tkun arrestata mill-Pulizija. Dan ifisser illi jekk il-Pulizija jarrestaw lil xi ħadd fis-1am iżda jibdew jinterrogawh fis-1pm, id-dritt li jkellem l-avukat ikun minn nofsinhar. L-arrestat għandu dritt ukoll illi jkun akkumpanjat mill-avukat tiegħu waqt l-interrogazzjoni u għandu dritt jirrifjuta li jwieġeb.

Il-Pulizija mhix obbligata li turi lill-akkużat il-provi li għandha hekk kif tarrestah, iżda hi obbligata li tagħmel dan meta tibda l-interrogazzjoni.

Rappurtaġġ addizzjonali: Sephora Francalanza