Aġġornata (1): Keith Schembri l-Qorti kontra Simon Busuttil; Jirreaġixxi Chris Said

Iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, ippreżenta kwerela lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jiġi investigat il-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil.
Fi stqarrija maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni, ingħad li Schembri talab biex Busuttil jiġi investigat fuq kalunji, rapport falz lill-awtoritajiet u ġurament falz li għadda lill-Qorti, meta ppreżenta rikorsi kontra Schembri fil-Qorti.
Il-ġimgħa l-oħra, Busuttil ressaq rikors il-Qorti, fejn talab biex tinfetaħ inkjesta kriminali dwar iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru u l-Ministru Konrad Mizzi.
Dan wara li s-sena li għaddiet ġie żvelat li kelllhom kumpanija fil-Panama, biex fiha jpoġġu b’miljun ewro fis-sena f’commissions.
Fir-rikors ta’ Busuttil hemm referenza għall-imejl li ntbagħtet fl-2015, li turi kif Nexia BT tat id-dritta sabiex jinfetħu kumpaniji fil-Panama lil dawn iż-żewġ persuni.
Mistoqsija dominanti tul din is-saga kollha kienet minn fejn kienu se jġibu miljun ewro fis-sena rekwiżiti biex iżommu l-kont miftuħ.
Kemm Mizzi kif ukoll Schembri kienu nnegaw li nfetħu dawk il-kontijiet għal kumpaniji fil-Panama.
"Keith Schembri ma jkunx komdu bija bħala Kap tal-PN" – Chris Said
Il-kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista qal fi stqarrija li trid tkun bla żejt f'wiċċek biex tipprova tħammeġ lil Simon Busuttil b'ġurament falz u qarrieq.
B'reazzjoni għall-kwerela ta' Schembri, Said qal li kemm Schembri, il-Ministru Konrad Mizzi u l-Prim Ministru Muscat mhux se jsibu kenn miegħu jekk jilħaq Kap tal-PN.
Saħaq li se jibqa' jiġġieled il-korruzzjoni b'saħħtu kollha.