Keith ġie għandi biex nitkellmu dwar ir-riżenja – Muscat

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-eks Chief of Staff tiegħu Keith Schembri mar id-dar tiegħu biex jitkellmu dwar ir-riżenja li ssottometta l-għada. Dr Muscat qal li għamel hekk biex jagħti lil Keith Schembri ftit ħin ċans biex jitkellem fuq ir-riżenja.

Muscat kien qed iwieġeb lill-ġurnalisti wara l-iskambju tal-awguri tal-Milied fil-Palazz tal-Arċisqof fil-Belt Valletta.

Mistoqsi x’se jagħmel quddiem vot tal-Parlament Ewropew li qed jitlob għar-riżenja immedjata tiegħu minn Prim Ministru, Muscat qal li se jkompli bil-proċess biex jintgħażel suċċessur tiegħu.

Meta ntalab jiċċara jekk hux se jinjora l-vot, Muscat reġa’ saħaq li se jkompli bil-pjanijiet tiegħu u talab lill-ġurnalist biex ma jpoġġix kliem f’ħalqu.