“Keith għamilli pressjoni biex nimpjega lil Theuma”

FILE PHOTO: Keith Schembri, Chief of Staff in the office of Malta's Prime Minister Joseph Muscat, arrives for a joint news conference between Muscat and President of the European Council Donald Tusk in Valletta, Malta, March 31, 2017. REUTERS/Darrin Zammit Lupi/File Photo

Uffiċjal għoli tal-Housing Reconstruction Company qal lill-Pulizija li Keith Schembri kien għamillu pressjoni kbira biex jimpjega lil Melvin Theuma. L-istess uffiċjal li kien miżmum mill-Pulizija qal li kien hu li waqqaf l-impjieg ta’ Theuma meta nduna li ma kienx imur għax-xogħol.

Din l-istqarrija lill-Pulizija minn uffiċjal għoli tal-kumpanija li hija propjetà tal-Gvern turi li Melvin Theuma xehed il-verità waqt il-kawża fil-Qorti. L-istess stqarrija turi li dikjarazzjonijiet tal-Gvern dwar dan il-każ jew kienu skorretti jew setgħu jagħtu impressjoni ħażina ta’ x’ġara.

X’qal Theuma fil-Qorti?

Fil-Qorti taħt ġurament Melvin Theuma, il-middleman fil-każ tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, qal li Sandro Craus li jaħdem fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru kien ċempillu u nfurmah li ċ-Chief of Staff Keith Schembri ried ikellmu.

L-għada mar Kastilja għal-laqgħa. Schembri ħa lil Theuma mawra f’Kastilja u wara tah ukoll espresso u ħadu stessu flimkien. Imbagħad il-laqgħa kompliet ma’ Craus li qallu li kien se jingħata xogħol mal-Ministeru li jinsab quddiem it-Teatru Rjal.

Theuma qal li aktar tard mar il-Ministeru. Qal li hu ma kienx mar għax-xogħol iżda rċieva l-paga sa xahrejn wara l-elezzjoni. “Jekk ikollok tistaqsini x’kien xogħli fil-Ministeru ngħidlek ma nafx, għax qatt ma mort”.

Ma nafux bih – Mario Cutajar

L-ewwel reazzjoni tal-Gvern saret permezz ta’ stqarrija mis-Segretarju Permanenti Ewlieni, Mario Cutajar. Huwa qal li isem Theuma “ma jiffigurax ma’ dawk li kienu impjegati mas-Servizz Pubbliku”.

Ftit ħin wara Xarabank ippubblika dokument li juri li Theuma kien fil-fatt impjegat mal-Housing Reconstruction Company li hija kumpanija totalment tal-Gvern.

Il-Gvern imbagħad ammetta li Xarabank kellu raġun u li Theuma fil-fatt kien ingħata impjieg.

Fi stqarrija ppubblikata l-Ħamis il-Gvern qal li Melvin Theuma ġie ngaġġat wara sejħa pubblika permezz tal-Jobsplus, wara proċess ta’ għażla li seħħ f’April 2017. L-aħħar paga li tħallas Melvin Theuma kienet f’Awwissu 2017 meta twaqqaf minħabba li ma kienx qed imur għax-xogħol.

Ix-xhieda tal-uffiċjal tal-kumpanija tal-Gvern titfa’ dawl ġdid li jikkonferma dak li qal Theuma taħt il-ġurament.

Bżonn ta’ inkjesta

L-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem (MEA) qalet li għandu jkun hemm inkjesta wara li nstab li hemm xogħlijiet foloz fis-settur pubbliku. Qalet li l-inkjesta għandha ssib kemm hija wiesgħa din il-prattika. Dan wara li ġie żvelat li Melvin Theuma ngħata impjieg ma’ kumpanija tal-Gvern.

Fi stqarrija l-MEA qalet li l-każ ta’ Melvin Theuma mhux eċċezzjoni. Fakkret kif sa ftit żmien ilu ħadd ma ried jispjega liema dipartiment kien qed jimpjega lil Neville Gafà.

L-MEA qalet li dan imur kontra l-governanza tajba u li huwa abbuż tal-fondi pubbliċi.

L-MEA titlob li ssir inkjesta