Keita jingħaqad ma’ Inter b’self

Keita Balde sar l-aħħar akkwist ta’ Inter Milan wara li Monaco ħabbru li l-plejer ta’ 23 sena se jiġi misluf lill-klabb Taljan għal £5.4m. Inter għandhom l-opportunita li jakkwistaw lill-plejer b’mod permanenti għal £37m. Keita huwa t-tminn akkwist li wettaq il-klabb tas-Serie A matul dan is-sajf hekk kif jittamaw li jibnu fuq ir-raba’ post li kisbu fl-istaġun li għadda.

Il-plejer Senegaliż ingħaqad ma’ Monaco għal £26m fis-sajf tal-2017 wara li l-klabb Franċiż iddeċieda li jbiegħ bosta plejers li kienu kruċjali fir-rebħ tal-kampjonat bħal Kylian Mbappe, Bernard Mendy u Bernardo Silva. Keita, li kien membru tat-tim nazzjnali tas-Senegal li mar fir-Russja għat-Tazza tad-Dinja, lagħab 33 darba għal Monaco fl-istaġun l-għadda u skurja tminn darbiet.