Keċċu lil Ian Abdilla – PN u Repubblika

Ian Abdilla outside depot

Read in English.

Il-Partit Nazzjonalista u l-għaqda Repubblika talbu għat-tkeċċija tal-Assistent Kummissarju Ian Abdilla. Dan minħabba l-ammissjoni ta’ Abdilla li wara l-każ tal-Egrant kien iltaqa’ darbtejn maċ-Chief of Staff ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri.

Abdilla qal dan ilbieraħ waqt li kien qed jixhed fl-inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

“Ilbieraħ fil-Qorti sar magħruf illi Ian Abdilla flok investiga lil Keith Schembri, Konrad Mizzi, Yorgen Fenech jew oħrajn fuq rapporti u provi ta’ ħasil ta’ flus, kien qed ikollu laqgħat ma’ uħud mill-kriminali propju sabiex tiġi evitata tali investigazzjoni,” qal il-PN fi stqarrija.

“Illum nafu li bil-barka ta’ Joseph Muscat fil-pajjiż inħolqot sitwazzjoni fejn flok kriminali jiġu investigati, kellna u għad għandna kriminali f’konfoffa ma’ membri fil-korp biex propju jaħarbu mill-ġustizzja. Jekk verament il-Prim Ministru Robert Abela jrid li f’dan il-pajjiż issir il-ġustizzja għandu immedjatament jara illi kriminali u pulizija fil-korp f’konfoffa mal-istess kriminali jiġu investigati,” qal il-PN.

Il-partit qal li l-kontinwità f’impunità kissret lil Malta.

“Minħabba inkompetenza, traskuraġni jew intenzjoni ħażina, Ian Abdilla naqas milli jaġixxi f’każijiet ta’ korruzzjoni li kien dmiru jinvestiga. Huwa ħalla titkattar l-impunità li qatlet lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia,” qalet l-għaqda Repubblika fi stqarrija separata.

“Wara li nqatlet Daphne Caruana Galizia, Ian Abdilla bl-aġir tiegħu għen lill-kriminali jaħarbu mill-ġustizzja. Dan jagħmel lil Ian Abdilla responsabbli daqs Joseph Muscat, Keith Schembri u oħrajn li bħal Ian Abdilla jridu jagħtu kont t’għemilhom.  Ian Abdilla għandu jitkeċċa mill-korp tal-pulizija immedjatament,” saħqet Repubblika.

L-għaqda trid li jitwaqqaf tim tal-pulizija indipendenti biex jinvestigaw lil Abdilla, lill-eks Kummissarju Lawrence Cutajar, u lill-eks Assistant Kummissarju Silvio Valletta.