​“Keċċieni mill-ħanut għax jien iswed”

Immigrant li jgħix f’Malta jirrakkonta kif mar jara logħba futbol f’ħanut u tkeċċa minħabba l-kulur tal-ġilda tiegħu.
Din l-esperjenza rrakkuntaha quddiem il-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet Soċjali u tal-Familja, li lbieraħ kien qed jiddiskuti r-realtà ta’ ghettoiziation u l-immigrazzjoni f’Malta.
L-immigrant esprima dak li ħass meta fl-2015 mar f’ħanut il-Ħadd waranofsinhar, u sid il-ħanut qallu “skużani iżda l-klijenti żgur mhux se jħossuhom komdi fil-preżenza tiegħek għax int iswed”. Fisser kif dan ixxokkjah. 
“Il-Maltin ma jafux li aħna wkoll nistgħu nikkontribwixxu”
Il-Kumitat Parlamentari sema’ wkoll l-esperjenza ta’ tliet immigrant oħra, li kollha kemm huma qalu li l-esperjenza tagħhom f’Malta hija pożittiva, iżda li jħossuhom esklużi mis-soċjetà Maltija.
Qalu li l-Maltin ma jafux kemm hemm immigranti, anke ta’ kulur iswed li għandhom ħafna talenti u jistgħu jikkontribwixxu. Sostnew li hemm ħafna policies li jistgħu jiġu implimentati biex tikber l-integrazzjoni.
Semmew ukoll li mhux jgħin lanqas li l-politiċi qed jużaw l-immigrazzjoni biex jirbħu l-voti.
“Il-ghettos huma sinjal li f’Malta hawn ħitan li jeskludu n-nies” – Eks Spettur
Fost dawk li tkellmu quddiem il-Kumitat kien hemm l-eks Spettur tal-Pulizija Carol Fabri, li llum taħdem fil-qasam tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi, saħqet li “hemm bżonn li fil-pajjiż kulħadd jgħaddi mill-kliem għall-fatti fil-qasam tal-integrazzjoni għax jekk le jibqgħu jinħolqu ghettos oħra”.
Fabri qalet li l-ghettos huma sinjal li f’Malta hawn ħitan li jeskludu għadd ta’ nies fil-pajjiż, minkejja li hawn immigranti li jaħdmu u jaqilgħu l-għajxien tagħhom magħhom.