Kċina fi skola tħejji ikel għall-ħaddiema tas-saħħa

Il-kċina fl-iskola sekondarja f’Ħal Kirkop infetħet għall-voluntiera li qed jippreparaw l-ikel sabiex jingħata lill-ħaddiema tas-saħħa li f’dan il-perjodu qed jaħdmu wisq aktar mis-soltu.  Din il-kċina kienet tintuża għat-tagħlim.

L-ikel li qed jiġi ppreparat qed jittieħed lill-ħaddiema fl-Isptar Mater Dei bħala rikonoxximent tax-xogħol siewi li qed jagħmlu ta’ kuljum.

F’dawn il-jiem żar l-iskola, li tagħmel parti mill-Kulleġġ San Benedittu, il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici.

Il-Ministru Bonnici qal li “hi xi ħaġa tassew inkoraġġanti li dawn l-individwi qed jiġu fil-ħin liberu tagħhom biex jagħtu sehemhom fid-dawl taċ-ċirkustanzi li qegħdin naffaċċjaw”. Dr Bonnici rrimarka li kif ingħalqet il-kafetterija fl-Isptar Mater Dei sabiex jinħoloq aktar spazju għas-sodod, “qed naraw persuni kif ukoll stabbilimenti u ristoranti joffru ikel lill-ħaddiema tal-isptar”.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn