‘Kburin bit-twemmin tagħna u kburin b’kif għamilna Alla’ – Drachma

Read in English.

L-għaqda Drachma qalet li huma kburin bit-twemmin tagħhom, bil-Knisja u b’kif għamilhom Alla, għaldaqstant jixtieq jara iktar Kattoliċi jingħaqdu magħhom fil-Pride March. Illum ġiet organizzata l-Pride March annwali fil-Belt, festa ta’ kuluri fejn ħafna ħarġu jiċċelebraw id-diversità.

L-ewwel LGBTIQ+ Pride saret 15-il sena ilu filwaqt li l-irvelli ta’ Stonewall għalqu l-50 sena anniversarju. L-irvelli ta’ Stonewall waslu biex jibdew diversi movimenti tal-LGBTIQ+ madwar id-dinja. Il-Pride saret avveniment annwali f’diversi pajjiżi, bl-għan li l-komunità LGBTIQ+ tiġi rikonoxxuta u rispettata.

Drachma spjegat kif l-ewwel gruppi LGBTIQ+ fl-Amerika kienu mill-Kattoliċi u l-Kristjani, qabel l-irvelli ta’ Stonewall. Dawn il-gruppi ħadmu biex jintegraw it-twemmin u s-sesswalità, filwaqt li ħadmu biex ikun hemm iktar ġustizzja soċjali.

Drachma hi parti mill-Forum Ewropew għall-gruppi Kristjani LGBT. Il-forum twaqqaf f’nofs is-snin sebgħin.  Kif ukoll hi membru tal-Global Network of Rainbow Catholics (GNRC) li twaqqaf ftit tas-snin ilu. Rappreżentat ta’ Drachma huwa l-co-chair tal-GNRC għat-tieni darba.

Fl-istqarrija tagħhom Drachma saħqu dwar l-importanza li wieħed ikun kburi bit-twemmin tiegħu.

L-għaqda temmet tgħid li l-Pride għadha tiġi ċċelebrata biex jemmnu li hemm persuni LGBTIQ li għadhom iħossuhom emarġinati u fil-periferija.

“Hemm bżonn nesprimu t-tama speċjalment ma’ dawk li ma jistgħux ikunu magħna hawn illum biex nibqgħu niċċelebraw l-umanità u d-dinjità,” temmet tgħid Drachma.

Sejħa kontinwa għall-ugwaljanza

DOI / Jeremy Wonnacott

 

Il-Pride March mhix biss ċelebrazzjoni ta’ persuni LGBTIQ+ sostna l-Ministru għall-Ugwaljanza Edward Zammit Lewis. Huwa żied jgħid li l-Pride March hi sejħa kontinwa għall-ugwaljanza u għajta kontra l-preġudizzju u d-diskriminazzjoni.

Huwa rrimarka li għal xi wħud dawn għadhom realtà.

Zammit Lewis laħaq Ministru għall-Ugwaljanza wara li Helena Dalli ġiet innominata għall-Kummissarju Ewropew.

Fi stqarrija Zammit Lewis qal li huwa d-dover ta’ kull gvern biex jaħdem mas-soċjetà ċivili biex flimkien inrawmu soċjetà aktar inklussiva, li tiċċelebra u tħaddan id-diversità fejn id-dinjità ta’ kull bniedem tkun mħarsa.

Huwa temm jgħid li l-liġijiet mhux biżżejjed biex tinbidel il-mentalità.