Każijiet ġodda ta’ ebola; avviż lill-Maltin li se jsiefru

L-awtoritajiet tas-saħħa f’Malta qed iwissu li jekk dak li jkun m’għandux raġuni essenzjali għal biex jivvjaġġa lejn ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, jevita milli jagħmel hekk minħabba li reġa’ faqqa’ l-vajrus tal-ebola f’dal-pajjiż.
Il-każijiet ġodda rriżultat f’Bikoro, li jinsab fil-Provinċja ta’ Equateur.
Is-Sovratindenza tas-Saħħa Pubblika qalet fi stqarrija li kull min kien f’dawn l-inħawi fil-Kongo, irid jikkuntattja lill-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika fuq  21324086 jekk ħass xi wieħed mis-sintomi tal-vajrus fl-ewwel 21 jum minn meta ġie lura.
Sintomi jinkludu; deni, uġigħ ta’ ras, uġigħ, griżmejn iffjammati, dijareja, tqalligħ, uġigħ fl-istonku, raxx, ħmura fl-għajnejn, u dmija.
L-istqarrija tgħid li r-riskju ta’ infettar f’Bikoro hu wieħed baxx, sakemm il-persuna ma ġietx f’kuntatt dirett mal-fluwidu ta’ persuna mejta jew ħajja li hi infettata, jew annimal infettat.
L-ebola mhix trażmessa jekk wieħed jieħu l-arja mingħand persuna infettata.
Wieħed ilaqqat il-vajrus jekk ikollu kuntatt dirett mad-demm, il-ħmieġ, l-organi u fluwidi oħra tal-persuna li tkun infettata, jew kienet infettata.
Persuna infettata tista’ tmarrad lil ħaddieħor wara li tibda tħoss is-sintomi tal-vajrus.
Għal min ma jistax jagħmel mod ieħor u se jkollu jivvjaġġa lejn Bikoro fil-Kongo, is-Sovratindenza ħarġet dawn il-prekawzjonijiet;

  • Evita l-kuntatt dirett mal-affarijiet imsemmija ta’ nies infettati, ħajjin jew mejtin
  • Evita l-kuntatt dirett ma’ annimali slavaġ, jew li tiekol il-laħam tagħhom
  • Evita relazzjoni sesswali mingħajr protezzjoni
  • Żomm l-iġjene kollha possibbli