Każijiet ġodda ta’ coronavirus fi Franza u Spanja iħarbtu l-ivvjaġġar

REUTERS/Enrique Calvo/File Photo

Każi ta’ coronavirus fi Franza u Spanja ikkawżaw biża ta’ tieni mewġa u tħarbit għal turisti matul dan is-sajf.

Spanja identifikat 5,695 każ ta’ Covid-19 matul din l-aħħar ġimgħa, żieda ta’ 2,944 fuq il-ġimgħa ta’ qabel. Fi Franza, il-Ministru għas-Saħħa Olivier Veran żvela li jeżistu madwar 400 u 500 “cluster attiv” ta’ Covid-19; fir-reġjun, li jinkludi lil Marsilja u Nizza, ir-rata ta’ trażmissjoni żdiedet għal 1.55.

Veran insista li Franza hija ‘l bogħod mit-tieni mewġa. “Bħalissa, ninsabu ‘l bogħod mit-tieni mewġa,” qal fuq l-istazzjon tar-radju Franceinfo hekk kif il-maskri tal-wiċċ illum saru mandatorji f’kull spazju pubbliku magħluq fi Franza. “L-għan tagħna mhuwiex li ninkwetaw lin-nies b’mod eċċessiv iżda li ngħinuhom jibqgħu attenti,” żied jgħid.

Fi Spanja, b’riżultat tal-pandemija fil-Katalonja, madwar 96,000 resident fi tliet ibliet Katalani intalbu jibqgħu d-dar.

Dan seħħ wara li residenti f’Barċellona nhar il-Ġimgħa li għadda, intalbu jibqgħu joħorġu biss f’każ ta’ neċessità. L-awtoritajiet lokali fi Spanja ngħataw il-poter li japplikaw miżuri ta’ emerġenza, fosthom l-għeluq ta’ xtajtiet u l-applikazzjoni ta’ curfew, jekk ikun hemm il-bżonn.