“Każijiet fejn għalliema jaqsmu l-ikel tagħhom mat-tfal”

L-Unjin tal-Għalliema, l-MUT semmiet kif ikun hemm drabi fejn għalliema fl-iskejjel jispiċċaw jaqsmu l-ikel tagħhom mat-tfal.

L-unjin kienet qed tirreaġixxi għal artiklu ta’ Newsbook.com.mt li kien jinkludi reazzjonijiet tal-ġenituri dwar ir-regolamenti ġodda għall-festini fl-iskejjel fejn ġew projbiti fost l-oħrajn il-pastizzi u s-sausage rolls. Uħud mill-ġenituri qalu li l-eżempju jrid jingħata mill-edukaturi, b’waħda ssemmi kif darba rat Assistenti Kapijiet tal-Iskola jiekol burger.  Newsbook.com.mt tkellem ukoll ma’ għalliema li nsistiet kif huma jinfurzaw ikel tajjeb għas-saħħa, imma ħafna ġenituri jagħmlu li jridu.

L-MUT esprimiet id-diżappunt tagħha u qalet li dan se jagħti impressjoni ħażina tal-edukaturi u joħloq mibgħeda bla bżonn speċjalment fuq il-midja soċjali, fejn fi kliemha ħafna jaqraw u jikkummentaw abbażi tat-titlu biss.

“Għalliema ma jlaħħqux jieklu biex ikomplu jispjegaw lit-tfal”

Kien hawnhekk li l-MUT semmiet dak li jagħmlu l-għalliema u ħafna drabi ma jissemmiex: Apparti dan ħadd ma jara każijiet fuq kemm għalliema jispiċċaw jaqsmu l-ikel tagħhom mat-tfal, kemm minnhom ma jlaħħqux jieklu sabiex ikomplu jispjegaw xi ħaġa lil tfal li ma jkunux laħqu fehmu jew li jkunu morda u tilfu xi lezzjoni. Faċli li wieħed jiġġudika u jiġġeneralizza iżda dan ma jkunx korrett.

“Policy riġida u redikola”

Dwar il-policy il-ġdida tal-ikel, l-unjoni qalet li esprimiet ruħha fil-ġimgħat li għaddew. Iddeskrivietha riġida u restrittiva wisq fuq it-tip ta’ ikel li t-tfal se jitħallew jieklu, speċjalment f’okkażjonijiet speċjali bħall-Milied u festi oħra. L-MUT stqarret li kkomunikat mal-Ministeru għall-Edukazzjoni dwar dan, biex “din is-sitwazzjoni redikola titranġa”.