Każ vjolenza domestika: “Il-ħaddiema soċjali tqabbdu mill-Qorti mhux mill-Appoġġ” – CEO FSWS

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS) qal li l-ħaddiema soċjali li skont Abigail*, l-omm li qed issofri abbuż minn ekssieħeb tagħha, ma ħadux azzjoni, ma kinux tal-Appoġġ iżda mqabbda mill-Qorti.
B’reazzjoni għal dak li qalet Abigail*, Newsbook.com.mt tkellem ma’ Alfred Grixti li ħabbar dak li ħareġ mill-investigazzjoni dwar din l-allegazzjoni. Waħda minn uliedha wkoll allegat li, l-ekssieħeb tal-omm kif ukoll is-sieħba l-ġdida tal-missier, jitrattawhom ħażin. 
Grixti qal li l-każ ta’ Abigail jinsab il-Qorti u kienet il-Qorti li ħatret l-esperti biex janalizzaw dan il-każ u eventwalment jiktbu rapport dwaru.

Ara l-filmat biex issir taf x’ħareġ minn din l-investigazzjoni.

“L-interess ewlieni tal-FSWS kif ukoll tal-qrati Maltin huwa dejjem dak tat-tfal,” stqarr Grixti.
Huwa semma li l-FSWS dejjem taħdem biex l-ulied ibatu mill-anqas f’sitwazzjonijiet diffiċli. Inħolqu programmi speċjalizzati biex, f’każijiet ta’ separazzjoni, ikun hemm gwida ċara tar-responsabbiltajiet kif ukoll tad-dmirijiet tal-ġenituri.
Koppja li attendiet b’suċċess għal wieħed minn dawn il-programmi effettivament reġgħet ingħaqdet. “Din kienet storja sabiħa ħafna fejn ġew għandna biex jitgħallmu kif jgħixu b’mod separat imma reġgħu lura flimkien,” qal Grixti. Min jixtieq aktar informazzjoni dwar dawn is-servizzi jista’ jirrikorri hawn.
*ismijiet mibdula
Ritratti: Arkivji