Każ tal-coronavirus fost il-ħaddiema fl-ajruport

Miguela Xuereb

Read in English.

Wieħed mill-każijiet riċenti tal-coronavirus kien dak ta’ ħaddiema fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Dan ġie kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt minn kelliema għall-ajruport.

Il-każ irriżulta pożittiv nhar is-Sibt li għadda. Jidher li l-persuna ma ġietx infettata fuq il-post tax-xogħol.

Il-kelliema qalet illi, “Barra mill-miżuri li kienu diġà ttieħdu sabiex tiġi mħarsa s-saħħa ta’ kull min jaħdem l-ajruport u tal-passiġġieri tagħna, kif sirna nafu bil-każ tlitt ijiem ilu ħadna miżuri addizzjonali sabiex inkomplu nipproteġu lil kulħadd.”

Is-Sibt il-Ministeru tas-Saħħa ma ħabbar l-ebda każijiet ġodda tal-coronavirus, imma l-għada, il-Ħadd, Malta reġa’ kellha qabża kbira fil-każijiet, billi feġġew 14-il każ ġdid, wara li l-għadd ta’ każijiet attivi kien qorob lejn iż-żero. Il-maġġoranza ta’ dawn il-każijiet ħarġu minn party li sar f’lukanda f’San Ġiljan. Uħud kienu impurtati, issa li l-ajruport huwa miftuħ kompletament, mingħajr ebda restrizzjonijiet.

Nhar il-Ħadd li għadda, l-amministrazzjoni fl-ajruport bagħtet tinforma lill-ħaddiema li persuna fosthom hija pożittiva għall-coronavirus, u tinsab fi stat ta’ saħħa tajjeb. Huma ntalbu biex, kemm jista’ jkun, jevitaw li jattendu attivitajiet tal-massa bħal festi u parties.

Minkejja dan, dawk fosthom li kienu qegħdin jaħdmu mid-dar qegħdin jintalbu biex mill-ġimgħa d-dieħla jerġgħu jibdew jaħdmu mix-xogħol.

Ilbieraħ instab biss każ wieħed tal-coronavirus, iżda dan kien ukoll marbut ma’ dawk li kellhom x’jaqsmu mal-party li sar ġo lukanda. Wieħed mill-pazjenti li ġew ikkonfermati pożittivi għall-coronavirus fl-aħħar jiem attenda l-festa ta’ Santa Venera.

Intant, illum instabu seba’ każijiet ġodda, li minnhom tnejn ġew impurtati u wieħed kellu rabta mal-grupp ta’ każijiet imħabbar nhar il-Ġimgħa li għadda.

Din il-qabża fil-każijiet wasslet biex isiru għadd ta’ appelli sabiex ma jitħallewx isiru attivitajiet tal-massa, b’mod speċjali parties u festi.

Newsbook.com.mt bagħat mistoqsijiet lill-Ministeru tas-Saħħa dwar dan il-każ, iżda għadu ma rċeviex konferma sal-ħin tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-artiklu.