Il-Ministeru tas-Saħħa jiċħad li kien hemm każ tal-coronavirus fi Skolasajf f’Ħal Qormi

Aġġornat 12:39 PM

Read in English.

L-Unjin tal-Edukaturi Professjonali (UPE) qalet illi nstab każ pożittiv tal-coronavirus fi Skolasajf ta’ Ħal Qormi San Ġorġ, iżda l-Ministeru tas-Saħħa ċaħad dan.

Fuq Facebook il-UPE qalet li l-membri tal-unjin tagħha li jaħdmu hemmhekk ingħataw il-parir li jagħmlu t-test tal-coronavirus u joqogħdu kwarantina. Mistoqsi minn Newsbook.com.mt, il-Ministeru tas-Saħħa qal li mhux minnu li kien hemm każ pożittiv tal-coronavirus f’din l-iskola.

Dan ma kienx l-ewwel każ li l-UPE rrappurtat fi skejjel tas-sajf, billi fl-aħħar jiem wissiet dwar każijiet oħra li tfaċċaw fi Skolasajf f’Tal-Pietà u anke f’Ħal Luqa.

Malta għandha 150 każ attiv billi fl-aħħar 24 siegħa nstabu 10 każijiet ġodda, li sitta minnhom kienu ġejjin mill-grupp ta’ każijiet marbutin mal-festa ta’ Santa Venera.