Każ ta’ lsien u dwiefer fi skola primarja

Ikkonfermat każ ta' lsien u d-dwiefer fl-iskola primarja ta' Sannat.
Kelliem għall-Ministeru tal-Edukazzjoni kkonferma ma' Newsbook.com.mt li qed jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa, bl-għajnuna tal-awtoritajiet tas-saħħa.
Żied jgħid li matul il-ġurnata tal-lum, l-iskola qed tinforma lill-ħaddiema, lill-ġenituri u lit-tfal bil-passi kollha li qed jittieħdu biex tiġi ssalvagwardjata s-saħħa ta' dawk li jaħdmu jew jattendu l-iskola.
Minn informazzjoni li għandu Newsbook.com.mt jidher li xi għalliema llum ma rrappurtawx għax-xogħol. 
Skont id-Direttorat tal-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard, it-tfal infettati bl-ilsien u d-dwiefer għandhom jinżammu d-dar bejn ħamsa u sebat ijiem. Madanakollu m'hemm l-ebda riskju għat-tfal l-oħra, u b'hekk dawn ikunu jistgħu jibqgħu jmorru l-iskola.
Madanakollu, biex jiġu evitati infezzjonijiet, fl-iskejjel għandha tinżamm l-iġjene meħtieġa.