Każ ta’ coronavirus fl-ITS

Aġġornat 10:37 PM
Miguela Xuereb

Read in English.

Studenta fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) irriżultat fil-pożittiv għall-Covid-19 fil-jiem li għaddew, iżda ma kienx hemm aktar każijiet fl-iskola.

Dan qalitu l-Unjin għall-Edukaturi Professjonali (UPE) u ġie kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt mill-ITS ukoll.

Il-UPE qalet fuq Facebook li l-klassi kollha issa qiegħda kwarantina. Is-sors ta’ Newsbook.com.mt qal li l-każ instab waqt waħda mil-lezzjonijiet ta’ rkupru li qegħdin isiru, u li l-każ ilu li nstab minn nhar it-Tnejn tal-ġimgħa li għaddiet.

Bħalissa xi għalliema qegħdin imorru fl-iskola biex jibdew iħejju għas-sena akkademika li ġejja. Qegħdin isiru wkoll xi lezzjonijiet żejda biex jiġu rkuprati dawk li ntilfu fis-sena li għaddiet minħabba l-coronavirus.

Il-każ ġie kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt mill-ITS, li saħqet li għandha miżuri rigorużi u stretti sabiex titrażżan l-imxija tal-coronavirus fl-iskola. L-istudenta li rriżultat fil-pożittiv ma attendietx l-ITS wara li rriżultat fil-pożittiv.

Is-sors ta’ Newsbook.com.mt qal li t-temperatura ta’ min imur l-ITS mhix tittieħed fl-entratura prinċipali, imma f’binja oħra, u b’hekk, dak li jkun jista’ jevita li jmur biex tittiħidlu t-temperatura.

Madankollu, id-Direttur tal-ITS Pierre Fenech sostna li sar contact tracing f’temp ta’ ħames sigħat u s’issa ħadd aktar ma għadu rriżulta fil-pożittiv, f’ġimgħa minn meta nstab dan il-każ.