Każ pożittiv fil-Kids on Campus tal-Università

Facebook/Child Care Services - University of Malta

Read in English.

Kids on Campus fl-Università ta’ Malta ħabbru li membru tal-istaff irriżulta pożittiv fil-15 ta’ Awwissu bil-konsegwenza li t-tfal li kienu fil-klassi mal-istess membru tal-istaff intalbu li jagħmlu Swab Test.

Il-persuna ħadmet l-aħħar nhar l-Erbgħa 12 ta’ Awwissu u rriżulta pożittiv għall-coronavirus fil-15 ta’ Awwissu.

L-iskola tas-sajf għat-tfal li hija mmexxija mis-servizzi taċ-Childcare tal-Università ta’ Malta f’Tal-Qroqq mistennija li terġa’ tiftaħ għada l-Erbgħa.

F’imejl li ntbagħat lill-ġenituri kollha llum huma ngħataw aġġornament dwar dan u ġew assigurati li l-Università qed iżżomm is-sitwazzjoni taħt kontroll b’kuntatt dirett mal-uffiċjali tas-Saħħa Pubblika. Fl-imejl, l-Università tagħmilha ċara li minn dawk it-tfal f’din il-klassi se jitħallew jidħlu biss dawk li jkunu għamlu Swab Test u jkun ħareġ negattiv.

L-Università qalet li l-klassi li fiha kien il-persuna nagħlqet u ġiet diżinfettata filwaqt li ġew diżinfettati wkoll it-toilets u l-grounds fil-viċin.