Każ potenzjali ta’ kaċċa illegali jisfuma fix-xejn

Il-Kumitat Kontra l-Qtil tal-Għasafar (CABS) qal li l-Pulizija damu aktar minn sagħtejn sabiex jaslu taħt it-Torri l-Aħmar, il-Mellieħa, fejn allegatament kien hemm ħamest irġiel jonsbu għall-gamiem.
Il-CABS qed tallega li għandha filmat ta’ sagħtejn li juri lil dawn l-irġiel jonsbu għall-gamiem bi xbieki nhar is-Sibt li għadda f’mansab ta’ madwar 20 metru tul. Il-filmat juri wkoll tnejn minn dawn il-persuni jiġbru l-gamiem mix-xbieki u jitfgħuh f’guva li fiha madwar 45 gamiema ħajja.
Dawn iż-żewġ persuni, wieħed minnhom inqabad darbtejn fil-passat b’kaċċa illegali, kif ukoll ġie akkużat b’theddid, u l-ieħor huwa s-sid tal-proprjetà fejn allegatament seħħ dal-każ.
Huma allegaw li ċemplu lill-Pulzija għall-ħabta tas-7.15am, iżda dawn tfaċċaw fid-9.25am, u sadanittant in-nassaba kienu diġà qabdu u żarmaw kollox.
Is-Segretarju Ġenerali tal-CABS, Alexander Heyd, sostna li aktarx dawn il-persuni innutaw il-Pulizija riesqa, inkella ġew infurmati minn ħaddieħor bihom.
Sadanittant, il-CABS ġew infurmati mill-uffiċjali tal-Pulizija fuq il-post, li ma nstabu ebda xbiek u lanqas gamiem, għalhekk huma ltaqgħu mat-Taqsima tar-Regulazzjoni tal-Għasafar Slavaġ (WBRU). Hawnhekk l-uffiċjali tad-WBRU raw ix-xbieki jinħbew, kif ukoll qablu mal-CABS li l-gamiem qed jinżamm illegalment, kif ukoll wegħdu li jinħelsu immedjatament.
Madankollu, il-gamiem ma nħelisx, hekk kif skont il-Pulizija m’hemmx evidenza li dawn inqabdu illegalment. Il-CABS argumentat li l-fatt li teżisti dil-guva fejn jinżammu juri li l-att huwa illegali, iżda d-WBRU qalulhom li l-għasafar ma jistgħux jiġu konfiskati għax m’hemmx post ieħor fejn jinżammu sakemm il-każ jinstema’ l-Qorti.
Il-CABS temmet tgħid li sadanittant, mhuwiex magħruf x’sar mill-għasafar.