Każ Patri Montebello: Preżentatur tat-TV u Editur ifaħħru kif mexa l-Arċisqof

Archbishop

Rachel Attard, Editor-in-chief ta’ The Malta Independent u Peppi Azzopardi, il-preżentatur tal-programm Xarabank, tkellmu b’mod pożittiv ma’ Newsbook.com.mt dwar kif ġab ruħu l-Arċisqof Scicluna fuq il-każ ta’ Patri Mark Montebello. Mill-banda l-oħra l-Prof. Godfrey Pirotta qal li la ma ġewx ippubblikati l-fatti kollha diffiċli tgħid jekk dak li qed jipproponi l-Arċisqof hux soluzzjoni tajba.
Newbook.com.mt ħa l-kummenti ta’ tliet opinjonisti wara li lbieraħ l‑Arċisqof Charles Scicluna qal li avviċina lill‑Provinċjal tal‑Ordni Dumnikan Patri Frans Micallef u infurmah li jinsab dispost jgħin biex tinstab soluzzjoni sabiex Patri Mark Montebello jkun jista’ jkompli b’kitbietu, "b’rispett sħiħ lejn l‑impenn tiegħu ta’ saċerdot reliġjuż u b’lealtà sħiħa lejn it‑tagħlim tal‑Knisja".
L-Arċisqof qal ukoll illi huwa ma kienx ikkonsultat meta ittieħdet id-deċiżjoni dwar Patri Montebello.
Newsbook.com.mt talab ukoll għal reazzjoni mingħand Patri Mark Montebello u mingħand il-Provinċjal tal-Patrijiet Dumnikani.
Dawn huma il-kummenti sħaħ li tawna t-tliet opinjonisti li kellimna.
L-Arċisqof jemmen fil-libertà tal-espressjoni bil-fatti – Peppi Azzopardi
“Jiena naħseb li kienet deċiżjoni tajba li l-Arċisqof intervjena li Patri Mark Montebello jibqalu l-libertà li jesprimi ruġu.
Kienet ħaġa tajba li l-Arċisqof, bil-fatti u mhux bil-priedki, wera li jemmen fil-libertà tal-espressjoni.
Knisja li fiha jkun hemm dibattitu, li jista’ jkun anke dibattitu sħun, li bis-saħħa ta’ dan id-dibattitu, il-Knsija tkun tista’ tifhem aħjar, taġġorna ruħha.
Issa nittama li dawk kollha li kkritikaw lill-Arċisqof għax ħasbu li kien qed jagħlaq ħalq Patri Mark Montebello fehmu li ma kienx il-każ u li bħalma l-Arċisqof qed jiddefendi d-dritt lill-Patri Mark Montebello jitkellem, hekk ukoll dawn, jiddefendu d-dritt tal-Arċisqof li jesprimi ruħu wkoll.”
Importanti li nkunu nafu b’kollox biex nagħmlu ġudizzju – Prof Godfrey Pirotta
“Għadni ma nafx eżattamenta fuq xhiex Patri Mark Montebello twaqqaf milli jikteb. Dan huwa punt importanti għax inkella jekk ma taf fuq xhiex, il-kumment mhux bilfors ikun wieħed relevanti. Kulma nafu hu li twaqqaf ħesrem.
Twaqqaf minħabba li mar kontra xi tagħlim fundamentali tal-Knisja jew għax ma qabilx mal-policy tal-Knisja jew mal-aġir tagħha fuq xi kwistjoni? Hemm differenza kbira bejn iż-żewġ elementi. 
Jekk, biex nieħdu eżempju, Fr Mark Montebello jgħid li Kristu mhux l-iben ta’ Alla huwa ħaġa, imma jekk jgħid li l-Knsija mhix taħdem fis-soċjetà kif għandha, dik ħaġa oħra.
Ir-reazzjoni tiegħi hija din: biex in-nies jifhmu eżatt fejn hi l-problema, jeħtieġ li l-ewwelnett ikun hemm il-karti kollha fuq il-mejda, jingħad għal xhiex ġie mwaqqaf. Imbaghad in-nies jifhmu jekk dak li qed jipproponi l-Arċisqof hux l-aħjar jew l-iktar mod tajjeb jew jekk hux raġunat. Stqarrija joħroġha min joħroġha biex tifthiem trid ikollha l-informazzjoni kollha dwar il-kwistjoni.
M’hemmx iktar fejn wieħed idur, imma sakemm inti ma tkunx taf ir-raġuni veru, hija diffiċli li tgħid jekk il-proposta tal-Arċisqof hiex se twassal għal soluzzjoni.”
L-Arċisqof għamel sew li ma ndaħalx iżda offra l-għajnuna – Rachel Attard
“Dak li ġara din il-ġimgħa lill-Patri Mark Montebello mhux ġust. Pero ħaġa li nikkundanna hi li hekk kif ħarġet l-istorja, ħafna persuni fuq FB u anki media outlets oħra ippuntaw subghajhom lejn l-Arċisqof. Minn għamel hekk m’għandux idea ta’ kif taħdem l-istruttura tal-Knisja. L-Arċisqof għamel sew li ma ndaħalx iżda offra l-għajnuna tiegħu. Kienet tkun prużunzjoni min-naħa tal-Arċisqof kieku intervjena.
Għalkemm jiena dejjem naqbel mal-libertà tal-espressjoni nifhem li forsi Parti Mark ma baqax mal-linja tal-Knisja dwar l-IVF. Anki Patri Mark stess fuq The Malta Independent qal li kien ikun ‘illegali’ kieku kienet il-kurja li ċċensuratu.”