Każ Paqpaqli: Iċ-Chief of Staff tal-President iltaqa’ mal-membri tal-bord qabel il-qorti

Membru fuq il-Bord tal-Amministraturi tal-Malta Community Chest Fund qal li ċ-Chief of Staff tal-President ta’ Malta kien iltaqa’ mal-membri tal-Bord qabel ma dawn taw ix-xhieda tagħhom fil-qorti fil-każ ta’ Paqpaqli.
Dan ħareġ hekk kif kompla jinstema’ l-każ fil-qorti kontra t-13-il membru tal-bord u x-xufier Ingliż Paul Bailey li f’Novembru tal-2017 kien qed isuq karozza li spiċċat skiddjat għal fuq il-pubbliku preżenti li kien qed jattendi għal dan l-avveniment. 
Wieħed mill-membri tal-Bord tal-Malta Community Chest Fund spjega li din il-laqgħa bejn John Camilleri u l-membri tal-bord, saret bil-għan li l-membri jkunu jafu x’qed jistennew fil-qorti, u mhux biex jiġi diskuss ix-xhieda li se jagħtu.
Għal dan, l-avukata Giannella Demarco wieġbet li dawn mhumiex il-membri tal-bord ta’ xi każin tar-raħal, iżda tal-Malta Community Chest Fund. 
Il-Qorti semgħet ukoll kif kawża ta’ dan l-inċident, wara sentejn ta’ trattament, raġel li kien qed jattendi għall-avveniment ta’ Paqpaqli, ftit li xejn għamel progress tant li sofra diżabiltà f’99% ta’ ġismu.
Xehdet martu li qalet li mill-inċident ‘l hawn jista’ jiftakar biss x’isimha u xejn aktar, u li d-diżabiltà tiegħu issa tista’ titqies bħala waħda permanenti.
Il-każ mistenni jkompli fil-ġimgħat li ġejjin.
Ritratt: Arkivji