Każ Panama: L-Imħallef Mizzi deċiż li jibqa’ jisma’ l-appell; il-PN jipprotesta

L-Imħallef Antonio Mizzi ma laqax it-talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, u se jibqa’ jisma’ u jinvestiga l-allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus imressqa minn Busuttil fil-konfront tal-Prim Ministru, Joseph Muscat, iċ-Chief of Staff tiegħu, Keith Schembri u l-Ministru għat-Turiżmu, Konrad Mizzi.
Mizzi huwa r-raġel tal-Ewroparlamentari Laburista, Marlene Mizzi, u kien għalhekk li waħda mit-talbiet ta’ Dr Busuttil kienet li l-Imħallef jirtira mill-każ minħabba kunflitti ta’ interess.
Iżda dalgħodu fil-Qorti, l-Imħallef qal li l-fatt li hu miżżewweġ lill-Ewroparlamentari Laburista ma jfissirx li għandu l-istess opinjoni politika, u ddefenda lilu nnifsu billi żied jgħid li la qatt ma tkellem dwar politika b’mod pubbliku u lanqas qatt ma kien involut f’xi partit.
Sadanittant, Dr Busuttil qal fil-Qorti li se jieħu dan il-każ quddiem il-Qorti Kostituzzjonali.
Il-każ se jkompli fis-6 ta’ Novembru.
"Il-PN jemmen fil-proċess ġudizzjarju sal-aħħar"
Il-Partit Nazzjonalista fakkar fi kliem il-Prim Imħallef fil-Ftuħ tas-Sena Forensi meta qal li l-ġustizzja f'pajjiżna mhux biss għandha ssir, iżda trid tidher li tkun qed issir u kkritika d-deċiżjoni tal-Imħallef Mizzi.
Saħaq li jemmen fil-proċess ġudizzjarju sal-aħħar u għalhekk se jieħu l-każ quddiem il-Qorti Kostituzzjonali.
"Xejn ġdid minflok mod ġdid" – PL
Min-naħa tiegħu, il-Partit Laburista qal li l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista turi li Adrian Delia qed iċedi għall-pressjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil.
Saħaq li Adrian Delia qed jagħmel tiegħu l-aġir u l-istil ta' Simon Busuttil
Ritratt: DOI- Arkivji