Żewġ każi impurtati ta’ coronavirus

Aġġornat 08:02 AM
Miguela Xuereb

Read in English.

Malta reġistrat każ ġdid ta’ coronavirus li ġie impurtat minn barra.

Aktar tard, ġie rrappurtat li kien hemm każ ieħor.

Dan tħabbar mill-Ministeru għas-Saħħa. Intqal li l-persuna esperjenzat sintomi jiem wara li rritornat lura Malta minn barra. Bħalissa qed isir il-contact tracing.

Fl-aħħar 24 siegħa saru 848 swab tests. Bħalissa hawn 4 każi attivi ta’ COVID-19.

Jinstab każ ieħor

Ftit qabel is-7pm it-Times of Malta qalet li nstab każ ieħor ta’ coronavirus.

Is-sit qal li immigrant li kien fost il-grupp ta’ 63 persuna li ddaħħal Malta lbieraħ ħareġ pożittiv għall-COVID-19 mal-wasla tiegħu. Is-sit ikkwota kelliem għall-Ministeru għas-Saħħa.

Newsbook.com.mt ċempel lill-kelliema għall-Ministeru għas-Saħħa. Din irrifjutat li twieġeb il-mistoqsijiet, insistiet li d-domandi għandhom jintbagħtu bil-miktub u mbagħad qatgħet il-linja.

Newsbook imbagħad bagħat il-mistoqsijiet bil-miktub, imma reġa’ baqa’ bla tweġiba.

Matul is-sajf se jibqa’ jsir ir-random swabbing għal COVID-19 fid-djar tal-anzjani minn żmien għal żmien. Dawn it-testijiet se jibqgħu jsiru lir-residenti kif ukoll lill-ħaddiema. Fl-Isptar Mater Dei se jibqa’ jsir it-test lil kull pazjent li jidħol u jkun se jinżamm.